Lokali
Il-Prim Ministru jitlob biex tiġi ppubblikata l-inkjesta dwar il-każ Egrant

Stennija għal pubblikazzjoni tal-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant wara li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ħabbar li l-Maġistrat Aaron Bugeja lesta l-inkjesta u għaddieha lill-uffiċċju tiegħu u qed tkun analizzata. Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li ser ikun jikkumenta dwar il-konklużjonijiet tal-inkjesta malli tiġi pubblikata. Kemm il-Prim Ministru kif ukoll il-Partit Nazzjonalista talbu biex din tkun pubblikata. L-inkjesta kienet intalbet mill-Prim Ministru stess wara l-allegazzjonijiet li Daphne Caruana Galizia għamlet is-sena li għaddiet li kienu mtennija mill-Partit Nazzjonalista li fihom implikat li l-Prim Ministru u s-Sinjura Muscat huma s-sidien tal-kumpanija Egrant li hija reġistrata fil-Panama.

L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ħabbar li tlestiet l-inkjesta dwar l-Egrant li nbdiet f’April tas-sena li għaddiet wara li Daphne Caruana Galizia, fil-blog tagħha, allegat li mart il-Prim Ministru, Michelle Muscat kellha kumpanija sigrieta fil-Panama bl-isem ta’ Egrant.

L-istess allegazzjonijiet kienu ġew repetuti mill-Kap Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien Simon Busuttil. Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien ċaħad dawn l-allegazzjonijiet u kien talab li ssir inkjesta bil-Maġistrat li fiha xehdu fost oħrajn il-Prim Ministru, martu Mitchelle, Daphne Caruana Galizia u anke Maria Efimova, ir-Russa li allegatament qalet li rat dokumenti tal-Egrant fil-Bank Pilatus.

Minħabba l-allegazzjoni, il-Prim Ministru kien sejjaħ elezzjoni bikrija u ddikjara li jekk l-inkjesta issib nitfa verità huwa jirriżenja minnufih.

L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li għaddejja analiżi profonda ta’ din l-inkjesta, li r-rapport konklussiv tagħha huwa voluminuż.

B’reazzjoni għal dan il-Prim Ministru Joseph Muscat fi tweet sejjaħ biex wara li titlesta l-analiżi tar-rapport tal-inkjesta, dan għandu jiġi pubblikat u wara huwa jagħti l-kummenti tiegħu. Fi stqarrija tal-Gvern ġie spjegat li skont il-liġijiet ta’ Malta, huwa l-Avukat Ġenerali li jirregola jekk inkjesta tiġix ppubblikata jew le, iżda l-Prim Ministru talab li l-inkjesta tiġi ppubblikata.

Fi tweet l-ex Kap Nazzjonalista Simon Busuttil li kien irrepeta l-allegazzjonijiet dwar l-Egrant u li kien ukoll xehed quddiem il-Maġistrat Bugeja, qal li huwa importanti li l-inkjesta tiġi ppubblikata kollha mill-iktar fis possibbli.

Il-Partit Nazzjonalista waqt li innota li l-inkjesta għaddiet għand l-Avukat Ġenerali sabiex tiġi analizzata skont il-liġi qal li jistenna li r-riżultat tagħha jiġi ppubblikat kollu fl-ispirtu tat-trasparenza sħiħa, u se jagħti r-reazzjonijiet tiegħu dwar dan kif l-inkjesta tiġi ppubblikata.

Il-Partit Laburista qal li l-Prim Ministru kien konsistenti dwar din l-inkjesta mil-bidu nett anke dwar il-pubblikazzjoni tagħha. Il-Partit Laburista qal li bħal mal-Prim Ministru qal li jirriżenja jekk tinstab nitfa’ verità dwar l-allegazzjoni fil-konfront tal-familja tiegħu, jippretendi li ħaddieħor li rrepeta l-allegazzjoni jagħmel l-istess.

Aħbarijiet Oħra
Avjazzjoni

Il-kumpanija li tmexxi l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, l-MIA qalet li qed tistenna li din is-sena terġa tikser ir-rekord meta jgħaddu aktar minn 7 miljun passiġġier. Il-Kap Eżekuttiv tal-MIA Alan Borg…

Qorti

Ex nutar li kien weħel il-ħabs u multa ta’ €100,000 wara li nstab ħati ta’ frodi, ra l-Qorti tal-Appell teħilsu mis-sentenza minħabba li l-ewwel Qorti ma indikatx eżatt l-akkużi li…

Lokali

Il-kantanta u preżentatriċi ta’ Magic Malta Amber ukoll qed tidher f’riklami qarrieqa li għamlet kemxa flus b’opportunità finanzjarja li ġietha mill-investiment li għamlet fil-bitcoin. Fuq is-siti soċjali, Amber kitbet li…

Ekonomija u Finanzi

L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta tixtieq tavża lill-pubbliku dwar entità li topera bl-isem ta’ FXNobels, u li għandha preżenza fuq is-sit elettroniku https://www.fxnobels.io/. Fi stqarrija, l-MFSA qalet li għalkemm din…

Aktar