Lokali
Il-Prim Ministru jżur ċentru tal-vaċċinazzjoni, fejn qed jingħata l-booster

Il-Prim Ministru Robert Abela żar iċ-ċentru tat-tilqim minn fejn qed jingħata l-booster kontra l-Covid 19. Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne. Dr Abela fakkar kif l-istudji tal-esperti qed jixhdu mill-ġdid kemm it-tilqima hi effettiva u sostna kif il-booster huwa l-pass li jmiss.

Waqt li segwa mill-qrib il-ħidma li qed issir fil-proċess tat-tilqim, il-Prim Ministru rringrazzja lil dawk kolha preżenti tal-ħidma tagħhom. Fosthom, numru sabiħ ta’ studenti li qegħdin joffru s-servizz tagħhom f’dawn iċ-ċentri fil-ħin liberu tagħhom bl-għan li r-rata ta’ tilqim f’pajjiżna tibqa’ miexja b’ritmu mgħaġġel u konsistenti.

Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne reġa ħeġġeġ lill-poplu jirreġistra għall-booster.

Min-naħa tiegħu, il-Koordinatur fiċ-Ċentri tat-Tilqim, Jorgen Souness, irringrazzja lill-mijiet ta’ studenti minn oqsma differenti li qed isibu l-ħin biex jagħtu sehemhom fil-prċess tat-tilqim.