Lokali
Il-Prim Ministru jżur id-Dipartiment tal-Inġinerija fl-Isptar Mater Dei

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne żaru dipartiment importanti ferm fl-Isptar Mater Dei: id-Dipartiment tal-Inġinerija, fost stazzjonijiet oħrajn.

Taħt l-iswali u l-kuruturi tal-isptar, dan id-dipartiment, taħt it-tmexxija tal-Inġinier Noel Psaila, huwa responsabbli mill-infrastruttura operattiva tal-isptar. F’dan id-dipartiment, wieħed isib is-substation tal-elettriku ewlieni, il-ġeneraturi tal-emerġenza, impjanti, boilers u chillers ewlenin. L-Inġiner Psaila spjega fid-dettall kif l-isptar, li huwa meqjus bħala villaġġ żgħir, irid jara li jwassal servizzi adegwati lid-dipartimenti kollha fl-isptar u dan jinkludi s-servizz tal-elettriku u l-ilma sħun u kiesaħ skont in-neċessità.

Il-Prim Ministru ltaqa’ wkoll mat-tim tat-tifi tan-nar li huma stazzjonati direttament f’Mater Dei. F’każ li jinqala’ inċident, l-ewwel għajnuna tingħata minn dan it-tim sabiex ma jkunx hemm bżonn tal-istennija għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Huma jwettqu wkoll spezzjonijiet relatati mas-sigurtà u jorganizzaw eżerċizzji ta’ tifi tan-nar f’diversi swali u dipartimenti kull ġimgħa.

Iż-żjara kompliet b’waqfa mal-ħaddiema mit-Taqsima tal-Immaniġġjar tal-Iskart fejn il-ħaddiema huma responsabbli mis-separazzjoni tal-iskart kollu li jinġabar fl-Isptar, u li għalhekk mingħajr dan id-Dipartiment kruċjali l-isptar ma jkunx jista’ jopera b’efffiċjenza.

Il-Prim Ministru rringrazzja lill-ħaddiema kollha li ltaqa’ magħhom, fosthom l-inġiniera, managers, uffiċjali tekniċi, kuntratturi u l-bqija tal-istaff. Dr Abela wera l-apprezzament tiegħu għax-xogħol li jagħmlu speċjalment matul iż-żmien tal-pandemija fejn numru ta’ ħaddiema kellhom ibiddlu r-rutina tal-ħidma tagħhom u qamu għall-okkażjoni sabiex jipprovdu kull servizz infrastrutturali li kien hemm bżonn fl-isptar.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ngħaqad mal-Prim Ministru u rringrazzja lil dawn il-ħaddiema, filwaqt li aċċenna fuq l-importanza tar-rwoli ta’ dawn l-individwi, li jaħdmu minn wara l-kwinti u li mingħajrhom l-isptar ma jkunx jista’ jopera.

L-Inġinier Noel Psaila qal li t-tim immexxi minnu qed jagħmlu ħilithom sabiex kemm jista’ jkun, l-isptar u dawk kollha li jaħdmu fih ikunu jistgħu jagħtu l-aħjar kura lil kull pazjent li jidħol l-isptar. Huwa temm iħeġġeġ lil pubbliku biex isegwi dejjem l-istruzzjonijit maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa.