Il-Prim Ministru ta’ Malta jwieġeb mistoqsijiet varji minn sitt itfal

Ħafna mid-drabi l-politiċi Maltin jiġu mistoqsija diversi mistoqsijiet mill-ġurnalisti jew kollegi politiċi oħra. F’edizzjoni speċjali ta’ ‘Popolin’ rajna intervista b’differenza, dan għaliex numru ta’ tfal ċkejknin kellhom iċ-ċans jistaqsu sensiela ta’ mistoqsijiet lil Prim Ministru ta’ Malta, Dr. Robert Abela.

Is-sitt itfal staqsew mistoqsijiet varji fosthom; x’jogħġob lil Prim Ministru fil-gżira Maltija, liema hija l-ġurnata favorita fil-ġimgħa, jekk iħobbx il-milied, liema hu l-ikel favorit u kif iħares lejn l-ewwel sena tiegħu fil-kariga ta’ Prim Ministru. Spikkat fost oħrajn mistoqsija minn tifel li staqsa lil Prim Ministru jekk iħobbx il-futbol. Għal dan il-Prim Ministru Abela, wieġeb li jħobb ħafna l-isport biss ma jqisx ruħu bħala dilettant akkanit tal-futbol. Qal li minn dejjem kien jipprattika l-isport ta’ spiss, u għadu jsib ftit ċans biex jibqa’ jagħmel dan anke fil-kariga ta’ Prim Ministru. Waqt l-intervista skoprejna wkoll li l-għaġin u l-pizza huma l-ikel favoriti tal-Prim Ministru. Tkellem ukoll fuq id-deċiżjonijiet diffiċli li kellhom jittieħdu rigward il-pandemija fosthom il-ftuħ tal-iskejjel sabiex ma jiġix preġudikat l-iżvilupp soċjali u akkademiku tat-tfal.

Mistoqsi liema settur jaħseb li għad hemm bżonn ninvestu aktar fih, il-Prim Ministru tenna li baqa’ ħafna xi jsir fil-qasam ambjentali; “l-ambjent, definittivament. Irridu nibqgħu naħdmu. M’inix sodisfatt b’dak li sar sa issa, għalkemm saru passi ta’ ġgant”.

Tkellimna wkoll ma’ mart il-Prim Ministru Dr. Lydia Abela li rringrazzjat lil kull min ipparteċipa fl-inizjattiva ‘Rigal b’Imħabba’ fejn ammont kbir ta’ rigali ngħataw lil tfal fil-bżonn. Is-Sinjura Abela spjegat li din is-sena se tħares lejha bħala waħda mill-isbaħ snin ta’ ħajjitha għaliex kellha ċ-ċans tqatta’ ħafna ħin ta’ kwalità mat-tifla Georgia Mae.

Erġa’ segwi l-programm fuq TVMI.

Popolin