Lokali
Il-Prim Ministru u l-Brigadier Jeffrey Curmi ma kienu involuti f’ebda omiċidju volontarju ta’ immigranti irregolari

Inkjesta Maġisterjali li nvestigat denunzji li tressqu mill-għaqda Repubblika b’allegazzjonijiet dwar qtil ta’ immigranti, u attentat ta’ qtil ta’ oħrajn ix-xahar li għadda, sabet li dawn ma kinux imsejsa fuq provi.

L-inkjesta tal-Maġistrat Joe Mifsud li l-Prim Ministru ppubblika b’mod sħiħ ikkonkludiet li l-Prim Ministru Robert Abela, u l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati il-Brigadier Jeffrey Curmi, ma kienu nvoluti f’ebda omiċidju volontarju ta’ immigranti; u l-ekwipaġġ tal-patrol boat P 52 ma wettaq ebda tentattiv ta’ omiċidju ta’ immigranti. Ir-rapport tal-inkjesta kkonkluda wkoll li Malta wettqet l-obbligazzjonijiet internazzjonali.

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru ppubblika r-rapport sħiħ ta’ inkjesta mill-Maġistrat Joe Mifsud li nvestigat żewġ denunzji ppreżentati x-xahar l-ieħor mill-għaqda Repubblika, li talbet lill-Pulizija tinvestiga lill-Prim Ministru u lill-Kap Kmandant tal-Forzi Armati fuq allegazzjoni li immigranti mietu minħabba nuqqas ta’ azzjoni mill-Forzi Armati u f’każ ieħor talbet li jiġi investigat l-ekwipaġġ tal-P52 fuq allegazzjoni oħra tal-għaqda Alarm Phone li implikat l-ekwipaġġ li għamel ħsara f’dgħajsa oħra ta’ immigranti.

F’rapport ta’ aktar minn 400 paġna, il-Maġistrat Mifsud ikkonkluda li l-allegazzjonijiet mhumiex imsejsa bi provi u ma nstab xejn li jorbot lill-Prim Ministru, lill-kap kmandant tal-armata jew lill-ekwipaġġ tal-P52 mal-allegati reati. Ir-rapport ikkonkluda li l-Prim Ministru Robert Abela u l-Brigadier Jeffrey Curmi ma kienu involuti f’ebda omiċidju volontarju ta’ immigranti u l-ekwipaġġ tal-P52 ma wettaq ebda tentattiv ta’ omiċidju ta’ immigranti. L-inkjesta ġibdet l-attenzjoni li l-ekwipaġġ tal-patrol boat lanqas kienu fuq ħidma ta’ salvataġġ, fil-ġranet indikati fid-denunzja.

Mill-inkjesta joħroġ li l-Maġistrat sema’ aktar minn 156 xhud, bl-assistenza ta’ esperti tekniċi u oħrajn maħtura għall-ġbir tal-provi, waqt li ntalbet ukoll assistenza mil-Libja. Mir-rapport joħroġ li Malta wettqet l-obbligi internazzjonali u ġie nnutat li kien hemm diversi punti li jikkuntrastaw mal-allegazzjonijiet magħmula fir-rapporti fil-media internazzjonali, l-aktar f’dettalji li jistrieħu fuq tweets u stqarrijiet tal-għaqda Alarm Phone. Ir-rapport tal-inkjesta nnota li Repubblika, qabel ressqu d-denunzji lill-Pulizija, lanqas ma talbu kjarifiċi mingħand dawk li fil-konfront tagħhom kienu qed isiru dawn l-akkużi serji. Intqal li Repubblika ma talbitx kjarifiċi lanqas minn min għamel allegazzjonijiet oriġinali permezz ta’ twitter u li kienu sors tal-istejjer fuq mezzi tal-istampa internazzjonali.

Fil-konklużjonijiet l-inkjesta tirrakkomanda li għandu jkun hemm ftehim, bi protokolli ċari, dwar kif immigranti salvati jkunu rilokati f’pajjiżi oħra, mhux biss tal-Unjoni Ewropea, izda tal-Kunsill tal-Ewropa biex ikun hemm solidarjetà reali. L-inkjesta tal-Maġistrat Mifsud tgħid li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jkompli jistħarreġ, b’koperazzjoni ma’ forzi tal-ordni barranin, dwar it-traffikanti tal-bnedmin li tħallsu u organizzaw il-vjaġġ ta’ immigranti u għalhekk huma resposnabbli għall-imwiet fil-baħar. Irrakkomanda aktar investigazzjonijiet biex jinstabu dawk li qed jorganizzaw dawn il-vjaġġi bi sfruttament tal-persuni, bid-dħul mill-vjaġġi jingħad qed ikun ukoll sors biex jiġu ffinanzjati gruppi terroristiċi.

Il-gvern qal li l-Avukat Ġenerali laqa’ t-talba tal-Prim Ministru, li bħala wieħed mill-persuni li fil-konfront tiegħu saru l-allegazzjonijiet, jingħata r-rapport tal-inkjesta li ntqal wasal l-Uffiċċju tal-Prim Ministru s-Sibt f’nofsinhar. Fi stqarrija ntqal li l-Prim Ministru ddeċieda li jippubblika r-rapport sħiħ b’konformita’ mal-prinċipji ta’ trasparenza u governanza tajba.

Tirreaġixxi l-għaqda Repubblika

B’reazzjoni, l-Għaqda Repubblika qalet fi stqarrija li l-inkjesta maġisterjali mhix proċess ġudizzjarju u ma tistax issib lil xi ħadd ħati jew innoċenti. L-għaqda qalet li bis-silenzju tiegħu, il-Gvern tefa’ dell ikrah fuq is-suldati. Repubblika qalet li tittama li l-istituzzjonijiet kollha wettqu dmirhom biex jassiguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem skont l-obbligi tal-Kostituzzjoni.

Repubblika wriet il-fehma li fil-kuntest ta’ azzjoni mill-Istat Malti, għandha ssir investigazzjoni kull darba li jmutu n-nies. L-għaqda qalet li wara l-pressjoni li għamlet, il-Gvern waqqaf il-metodi tiegħu li hi qed tallega wasslu għall-imwiet tal-immigranti u biex 57 persuna kienu sfurzati jirritornaw il-Libja.

Jirreaġixxi l-Partit Laburista

U l-Partit Laburista staqsa x’se jagħmel Adrian Delia jekk Jason Azzopardi ma jerfax ir-responsabbilità għall-azzjonijiet tiegħu wara li diġà qal li ma jagħmel qatt apoloġija.

Dr Azzopardi kien iffirma d-denunzja tal-Għaqda Repubblika u aktar tard kien irrinunzja għall-każ.

Ara r-rapporti ppubblikati hawn;

rapport – MT rapport

Aħbarijiet Oħra
Edukazzjoni

Wara li l-Università ta’ Malta semgħet id-dispjaċir tal-istudenti u l-familjari tagħhom għall-aħbar li ċ-ċerimonji ta’ gradwazzjoni se jiġu posposti hija qalet li se ssib soluzzjoni biex dawn isiru fiż-żmien tagħhom. Ilbieraħ…

Immigrazzjoni

Grupp ta’ madwar 50 immigrant żbarkaw matul il-lejl li għadda f’Malta wara li kienu ilhom ġranet abbord il-bastiment  MV Talia. F’kitba fuq twitter l-għaqda Alarm Phone, qalet li wara ġranet maqbuda…

Politika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tilef vot ta’ fidċuja fil-grupp parlamentari wara laqgħa li damet għaddejja ħames siegħat. Madanakollu, f’konferenza tal-aħbarijiet eżatt wara għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu, Dr Delia qal li mhux…

Edukazzjoni

L-Università ta’ Malta ħabbret li ċ-ċerimonji ta’ gradwazzjoni li kienu se jsiru f’Novembru u Diċembru li ġej jiġu posposti għas-sena d-dieħla minħabba l-inċertezza relatata mal-COVID-19. Ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred Vella…

Aktar