Barranin
Il-Prinċep Philip isirlu intervent f’qalbu b’suċċess

Ir-raġel tar-Reġina Eliżabetta II, il-Prinċep Philip sarlu intervent f’qalbu fi sptar ewlieni f’Londra.

Fi stqarrija, il-Palazz ta’ Buckingham qal li l-Prinċep li għandu 99 sena sarlu intervent b’suċċess għal kundizzjoni li diġà kellu f’qalbu fl-Isptar San Bartilmew.

L-istqarrija żiedet tgħid li l-Prinċep Philip se jibqa’ jingħata kura fl-isptar għal diversi jiem.

Huwa ilu l-isptar għal aktar minn ġimagħtejn, l-itwal żmien li qatt għadda fi sptar matul ħajtu.

Il-Prinċep Philip mistenni jagħlaq 100 sena fl-10 ta’ Ġunju li ġej.

Ir-Reġina Eliżabetta II li llum għandha 94 sena, baqgħet għaddejja bl-impenji rjali tagħha minkejja s-sitwazzjoni ta’ żewġha.

Il-koppja ilhom miżżewġin għal dawn l-aħħar 73 sena.