Lokali
Il-Prinċep Philip twieled f’palazz f’Korfu b’ġebla u skultura tal-Maltin

Twieled f’palazz f’Korfu l-Greċja f’Ġunju tal-1921. Palazz li kien inbena b’ġebla li kienet impurtata minn Malta, bl-iskultura fil-Palazz xogħol l-iskulturi Maltin, Vincenzo u Ferdinando Dimech.

Fl-età ta’ 26 sena, il-logutent tal-qawwa navali Brittanika, Philip Mountbatten, imwieled Prinċep Philip tal-Greċja u d-Danimarka.

Fl-1934, Philip iltaqa’ ma’ Eliżabetta u 11-il sena wara, f’Lulju, 1947, il-prinċep Philip u l-Prinċipessa Eliżabetta tar-Renju Unit ħabbru uffiċjalment l-għerusija u żżewġu f’Novembru tal-istess sena.

F’Lulju tal-1948, Philip nħatar bħala membru parlamentari mhux elett tal-House of Lords, kariga li temm 51 sena wara li s-sħubija ereditarja fil-Parlament tneħħiet għalkollox. Tul dawk is-snin kollha, qatt ma tkellem fil-Parlament!

F’Novembru tal-1948, il-Prinċipessa Eliżabetta u l-Prinċep Philip saru ġenituri tal-ewwel wild tagħhom, il-Prinċep Charles.

Sena u nofs wara, f’Lulju tal-1950, il-Prinċep Philip ingħata promozzjoni bħala logutenent kmandant u ġie Malta abbord il-frejgata, HMS Magpie. F’Ġunju tal-1952, ingħata promozzjoni oħra bħala kmandant anke jekk huwa effettivament ma baqax attiv fis-servizz f’Lulju tal-1951.

Fi Frar tal-1952, il-Prinċipessa Eliżabetta saret Reġina wara l-mewt ta’ missierha George. L-inkurunazzjoni saret is-sena ta’ wara, f’Ġunju tal-1953.

Ftit wara r-Reġina u żewġha, Prinċep Philip għamlu l-ewwel vjaġġ fil-pajjiżi tal-Commonwealth, fosthom Tonga u New Zealand. Aktar tard il-Prinċepp żar ukoll l-istazzjonijiet tar-Renju Unit fil-gżejjer Falkland.

Il-Prinċep Philip baqa’ attiv, tant li sal-1971 kien jipprattika l-isport tal-polo b’mod regolari. Eżatt wara beda sport simili biż-żwiemel – it-tiġrijiet taż-żwiemel bil-karozzini. Sa ftit ilu hu kien ġieli jgħaddi għat-tfal tal-Prinċep Andrew u d-Dukessa ta’ Cambridge biex jeħodhom dawra bil-karozzin!

Wara t-twelid ta’ Charles, ir-Reġina u l-Prinċep kellhom tlett itfal oħra, Anne li twieldet fl-1950, Andrew li twieled fl-1960 u Edward li twieled fl-1964.

F’Lulju tal-1981, il-Prinċep Charles, il-wild il-kbir tar-Reġina u d-Duka ta’ Edinburgh, iżżewweġ lil Diana Spencer.

Il-Prinċep Philip u Diana kellhom relazzjoni b’saħħitha għax it-tnejn setgħu jifhmu d-diffikultajiet li tkun barrani u tidħol fl-aktar familja popolari fid-dinja. Jingħad li meta Diana kienet qed issibha diffiċli ħafna tgħix bir-restrizzjonijiet tal-ħajja Rjali, kien il-Prinċep Philip li ta daqqa t’id. Madankollu, hu rrappurtat li r-relazzjoni bejn Philip u Diana marret il-baħar, speċjalment wara li bdew il-problemi fiż-żwieġ bejn Charles u Diana.

Il-koppja Rjali daret id-dinja u l-Prinċep Philip kien magħruf għall-kummenti spirtu pront u ‘mhux dejjem f’lokhom’ li kien jgħaddi, fosthom dwar is-sess u r-razziżmu. Darba minnhom, fl-1986, waqt żjara fiċ-Ċina, Philip kellu konverżazzjoni privata mal-istudenti Ingliżi u nstema’ jilmenta mill-ambjent tqil u ikrah f’Beijing, u li daqt kienu se jispiċċaw b’għajnejhom iġebbdin bħaċ-Ċiniżi!

Ir-Reġina Eliżabetta u l-Prinċep Philip damu kważi 74 sena miżżewġin, u f’għeluq il-ħamsin sena miżżewġin, kienu saru ċelebrazzjonijiet kbar fir-Renju Unit u l-Prinċep Philip lissen kelmtejn dwar it-trobbija ta’ wliedhom.

“Like all families we went through the full range of pleasures and tribulations of bringing up children. I am naturally somewhat biased, but I think our children have done rather well under very difficult and demanding circumstances.”

Fil-bidu ta’ dan is-seklu, ibnu Charles reġa’ żżewweġ, u ftit wara mietet l-eks mara li tant kienet maħbuba, Diana. Traġedja li qanqlet jiem diffiċli għall-familja rjali.

Sitt snin ilu, l-età x’aktarx bdiet tagħmel tagħha, u l-Prinċep dehret taqbiżlu ma’ fotografu.

Il-Prinċep kien irtira mill-ħajja pubblika f’Mejju tal-2017 fl-età ta’ 95 sena.