Politika
Il-proċess tat-tilqim għall-Covid miexi bil-mod bil-Gvern mhux jagħti każ il-pariri tal-esperti – il-Kap tal-PN

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Prim Ministru qed jinjora l-opinjoni tal-esperti tas-saħħa u dan se jwassal biex Malta ddum ma tiġi lura għan-normalità.

Dr Grech qal li l-proċess ta’ kif in-nies qed jitlaqqmu kontra l-COVID miexi bil-mod wisq. Żied li jeħtieġ li t-tilqima tingħata sewwa u malajr. Dr Grech qal li l-Prim Ministru m’għandux jibqa’ jgħaddi n-nies biż-żmien u jwegħdhom li kollox se jkun lura għan-normal sa Mejju. Qal li dan jikkuntrasta ma’ kliem il-Ministru tal-Finanzi, li beda jilqa’ għal li ġej meta qal li l-pandemija se tagħtina daqqa li skont hu hi ħamsin darba iktar minn dik li l-pajjiż ħabbat wiċċu magħha fl-2008. Żied jgħid li l-istess Ministru tal-Finanzi diġa qed jindika li jistà jkun iċedi għall-pressjoni ta’ ċertu pajjiżi u jagħmel tibdil fit-tassazzjoni ta’ Malta li qal permezz tagħha hawn eluf ta’ ħaddiema jaħdmu. Dr Grech qal li dan hu li jġib Gvern li jtellef il-kredibiltà tal-pajjiż.

F’ħarsa lejn l-ewwel anniversarju ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru, Dr Grech qal li f’10 xhur għamel żewġ reshuffles wara falliment fl-oqsma l-iktar milquta mill-Covid. Kompla li matul din is-sena, Dr Abela pprova jinfluwenza l-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista u ma kienx kapaċi jogħla mill-partiġġjaniżmu politiku. Qal li l-unika interess ta’ Robert Abela hu li jibqa’ hu minn fuq.

Il-Kap Nazzjonalista semma l-problema tal-kirjiet antiki, fejn qal li eluf ta’ nies jinsabu inkwetati li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom jekk is-sid tad-dar fejn joqgħodu jiddeċiedi li jiftaħ kawża kontrihom. Stieden lill-Prim Ministru biex flimkien isibu soluzzjoni li sseraħ moħħ dawn in-nies, ħafna minnhom anzjani.

Dr Grech qal li irid li jattira lin-nies għall-ħajja politika għax huma kapaċi, mhux għax huma sbieħ. Qal li għal Partit Nazzjonalista normalita hi li jkollna gvern li jaħdem biex iġib lil bniedem indipendenti minnu u mhux ihalli lil kull wieħed jiekol minn idejh.

Il-Kap Nazzjonalista qal li fl-ewwel mitt jum tiegħu fit-tmexxija qed jattira nies u talenti ġodda fil-Partit.