Il-Produttur ta’ Jurassic World bi kliem ta’ tifħir għall-għajnuna kbira li sab f’Malta

Waqt il-programm ‘Popolin’ ġiet diskussa l-industrija tal-films f’pajjiżna. B’mod esklussiv tkellimna ma’  Patrick Crowley, produttur ta’ fama mondjali li pproduċa films bħal ‘The Bourne’, ‘Assassin’s Creed’ u ‘Jurassic World’.

Crowley spjega li ma kienitx faċli biex tipproduċi film fl-għeqqel ta’ pandemija. Tenna li f’Malta fehmu din id-diffikultà u għamlu mill-aħjar li jistgħu biex jassistu u jiffaċilitaw din il-produzzjoni; “Ma naħsibx li konna se nsibu Gvern ieħor fid-dinja li kien se juri magħna dik il-paċenzja biex inkunu nistgħu nkomplu naħdmu fuq il-produzzjoni”. Mistoqsi mill-preżentatur jekk jerġax jagħżel lil pajjiżna fil-futur, Crowley irrisponda fl-affermattiv.

Tkellimna wkoll ma’ Johann Grech, Kummissarju għall-films. Tenna li ‘Jurassic World’ ħaddem miegħu madwar 1,300 persuna. Żied jgħid li għall-ewwel darba pajjiżna ser jiġi reklamat bħala Malta u mhux bħala pajjiż ieħor. Spjega li reklam bħal dan mhuwiex suċċess biss għal din is-sena iżda wkoll għas-snin li ġejjin.