Lokali
Il-produzzjoni ta’ Destiny mal-Orkestra Filarmonika tintlaqa’ tajjeb mill-kritiċi internazzjonali

Il-kollaborazzjoni riċenti bejn Destiny u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta fi produzzjoni unika ta’ Je Me Casse kienet waħda minn sensiela li saru fl-aħħar xhur mill-mużiċisti tal-orkestra filarmonika. L-Orkestra Filarmonika baqgħet għaddejja b’kunċerti u impenji mużikali oħrajn bi produzzjonijiet online, li skont iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Orkestra Filarmonika rnexxielhom jilħqu udjenzi differenti, b’mod partikolari barra minn xtutna.

Kollaborazzjoni bejn l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u Destiny sarrfet f’verżjoni sinfonika tal-kanzunetta Je Me Casse, bl-aspett viżwali fil-forti Sant Iermu fil-Belt jikkumplimenta l-leħen meraviljuż tal-artista.

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Orkestra, Sigmund Mifsud, qal li l-produzzjoni ntlaqgħet tajjeb minn kritiċi internazzjonali u l-pubbliku. Qal li jittama din tkun il-bidu ta’ kollaborazzjoni bejn iż-żewġ naħat.

”Destiny għandha potenzjal kbir bħala vuċi u l-interpretazzjoni li kapaċi tagħti u ġie diskuss li mal-orkestra tista’ toħroq il-potenzjal tagħha. Sar arranġament minn Kevin Abela, arranġament tajjeb ħafna u kif ħareġ il-potenzjal tal-vuċi tagħha u tatha iżjed lok fejn tesprimi l-kapaċità vokali tagħha.”

Sigmund Mifsud qal li bħalissa l-orkestra għaddejja bil-provi għal kunċert tal-festival Gaulitana. Dan il-festival annwali s-soltu isir f’Għawdex, iżda din is-sena se jsir permezz ta’ produzzjoni awdjoviżiva mingħajr udjenzi minħabba l-Covid.

Qal li minkejja l-isfidi li l-orkestra ffaċċjat din is-sena, b’xi mod irnexxielha tvinċi ċ-ċirkustanzi billi tieħu sehem fi produzzjonijiet online u awdjoviżivi, b’kollaborazzjonijiet uniċi ma’ diversi artisti, bħat-tenur Malti Joseph Calleja u l-kantanta Destiny.

Iċ-Chairman tal-Orkestra Filarmonika qal li minkejja li n-nuqqas fiżiku tal-udjenzi fit-teatri, matul il-Covid l-orkestra laħqet udjenzi li qatt ma kien jirnexxielha tilħaq qabel, speċjalment barra minn Malta.

”L-udjenzi laħqu reach inkreddibbli. Ilħaqna l-fuq minn ħdax-il miljun spettatur minn barra minn Malta għax ovvjament il-pjattaforma li jtik l-internet mhux biss għall-lokal imma fuq skala internazzjonali naħseb ħafna qed jirrikonoxxu x-xogħol li qed tagħmel l-orkestra nazzjonali.”

Sigmund Mifsud qal li l-Orkestra Filarmonika għalissa se tibqa’ tippreżenta l-produzzjonijiet tagħha b’dan il-mod u tadatta għaċ-ċirkostanzi skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa.