Infrastruttura
Il-Professur Cassola jqanqal battibekk bejn żewġ awtoritajiet

Il-proġett ta’ toroq u mini li jgħaqqdu Triq il-Kosta ma’ Paceville li tħabbar minn Infrastructure Malta f’Mejju li għadda, qanqal diżgwid mal-uffiċċju tal-Ombudsman. Dan wara li korrispondenza tal-Ombudsman ma’ Infrastructure Malta ġiet pubblika minn Arnold Cassola li lmenta mal-Ombudsman min-nuqqas ta’ tagħrif dwar il-proġett li qal li jikkonċernah bħala resident tas-Swieiq li jbati bl-ażma.

Il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar fl-Uffiċċju tal-Ombudsman, il-Perit Alan Saliba ma aċċettax l-ispjegazzjonijiet ta’ Infrastructure Malta li l-konsultazzjoni pubblika trid issir mal-Awtorità tal-Ippjanar wara li jkun iffinalizzat il-proċess tal-applikazzjoni u rrakomanda lill-aġenzija biex tippubblika mill-aktar fis id-dokumenti aġġornati dwar il-proġett. Qed jeżiġi wkoll li sal-10 ta’ Ottubru, l-uffiċċju tiegħu jkun infurmat bl-azzjonijiet li ser tieħu fuq ir-rakkomandazzjoni tiegħu.

F’ittra pubblika lil Perit Saliba, Infrastructure Malta ċaħdet li ppruvat tostor it-tagħrif dwar din l-applikazzjoni kif ġie allegat mill-Professur Cassola. Spjegat li tat l-informazzjoni mill-bidunett u anke ħarġet id-disinn tal-proġett. Qalet ukoll li t-tekniċi tagħha għaddejjin b’konsultazzjoni ma’ kull min għandu interess fil-proġett inkluż il-kunsilli lokali, residenti u għaqdiet li talbu t-tagħrif. Qalet li dan kollu qed isir minkejja li skont il-liġi, il-proċess ta’ konsultazzjoni bħala parti mill-proċess tal-applikazzjoni għall-proġett għadu ma bediex. Fl-ittra pubblika tagħha, l-aġenzija ddikjarat li qatt ma rċeviet talba għat-tagħrif mingħand il-Professur Cassola li għamel l-ilment mal-uffiċċju tal-ombudsman.

Infrastructure Malta qalet li m’għandha ebda oġġezzjoni li l-awtoritajiet kompetenti jippubblikaw il-pjanti ta’ dan il-proġett bil-proċeduri applikabbli, bħal ma jiġri fil-proċess ta’ kull applikazzjoni tal-iżvilupp.