COVID-19
Il-Professur Gauci tisħaq fuq il-bżonn li jinżammu l-maskri u d-distanza

Fuq il-karozzi tal-linja, l-ilbies tal-maskri hu obbligatorju l-ħin kollu. L-Awtorità tat-Trasport qed iżżid l-infurzar fuq ix-xarabanks biex ikun żgurat li r-regoli qed jiġu osservati minn dawk abbord.

Ivan Pierre Vella, uffiċjal ta’ Transport Malta responsabbli mit-trasport pubbliku, qal li qed isiru spezzjonijiet għall-għarrieda mill-uffiċjali tal-infurzar, b’min jinqabad mingħajr maskra tittieħed azzjoni kontrih.

“Hemm ir-riskju li jitla’ uffiċjal ta’ Transport Malta u dak il-persuna jekk ma jilbisx il-maskra se jkollu jinżel u jwaqqaf il-vjaġġ hemm,” qal is-Sur Vella.

Transport Malta qed tfakkar f’dan l-obbligu, fosthom bi stickers mal-bus stops, mal-bibien tal-karozza tal-linja u anke fejn il-kabina tax-xufier. Is-Sur Vella qal li persuna waħda biss tista’ ma tilbisx il-maskra abbord: ix-xufier.

“M’għandux bżonn ghax hemm screen li tipproteġi lix-xufera u lill-passigiera kollha – kif hemm fil-ħwienet kollha, dan iservi ta’ protezzjoni.”

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li minkejja li n-numri huma baxxi, hu importanti għall-pajjiż li ma jillaxkax il-miżuri ta’ prevenzjoni u mitigazzjoni.

“La m’għandniex it-tilqima f’idejna l-aħjar hu li nagħmlu ‘social distancing’, nevitaw li noqgħodu f’folla użu ta’ ‘alcohol rubs’, u l-użu tal-maskri – jekk għandek virus fik tipprevjeni l-virus milli jasal għand ħaddieħor.”

Il-Professur Gauci saħqet li apparti fuq tal-linja, kull min jidħol f’ħanut jew jitla’ fuq il-vapur tal-Gozo Channel jeħtieġ jilbes il-maskra f’kull ħin.

Mistoqsija dwar l-attivitajiet tal-massa li qed jiġu organizzati, fosthom parties u marċi ta’ festi, il-Professur Gauci appellat li tinżamm id-distanza soċjali għax il-virus għadu magħna. L-importanti li meta jiġu organizzati dawn l-events inżommu fil-planning id-distanza soċjali, għax meta jkollok nies qrib dawk li mhux nies li s-soltu tkun qrib tagħhom…”

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika saħqet biex anzjani u nies b’mard kroniku ma jattendux għal dawn l-attivitajiet billi huma f’ċans akbar ta’ kumplikazzjonijiet.