COVID-19
Il-Professur Gauci twissi dwar iż-żieda fl-anzjani pożittivi għall-Covid-19

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci esprimiet tħassib li fl-aħħar ġimgħa kien hemm aktar anzjani li ħarġu pożittivi għall-COVID-19. Qalet li għalkemm il-maġġoranza tal-każijiet huma f’nies iżgħar fl-età, qegħdin bil-mod jiżdiedu l-każijiet fost persuni anzjani.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Professur Gauci qalet li ħafna pazjenti qed ikollhom sintomi ħfief u li beda jkun hemm trażmissjoni mill-persuni żgħar għall-anzjani u persuni vulnerabbli.

Tenniet li l-infezzjonijiet tal-coronavirus fost l-anzjani u l-vulnerabbli tinkwietha lill-awtoritajiet għaliex hemm riskju akbar li jkun hemm kumplikazzjonijiet.  Qalet li għalkemm iċ-ċifri għandhom baxxi, l-anzjani u persuni vulnerabbli jridu jipproteġu lilhom infushom.

Dwar it-testijiet li se jibdew isiru fl-ajruport lill-passiġieri li jaslu Malta, il-Professur Gauci qalet li qed tiġi analizzata s-sitwazzjoni f’pajjiżi oħra barra minn Malta, bl-awtoritajiet qed jaraw mhux biss l-għadd ta’ każi imma anke l-ammont ta’ testijiet li qed isiru.

Mistqosija dwar il-vaċċin, il-Professur Gauci qalet li tal-vaċċin tar-Russja mhux fost id-disa’ tipi ta’ vaċċin msemmija mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa. Qalet li Malta ngħaqdet mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex jixtru l-vaċċin flimkien.

Qalet li r-rata ta’ trasmissjoni tal-virus qabżet il-wieħed – jiġifieri persuna infettata tgħaddi l-virus lil persuna oħra fil-komunità. Appellat biex jibqgħu jiġu osservati l-prinċipji taż-żamma tad-distanza soċjali, l-ilbies tal-maskra u l-ħasil tal-idejn.

Ara wkoll:

31 każ ġdid ta’ Covid-19 u jfiqu 54

Jekk għandek is-sintomi tingħata appuntament għal swab test fi żmien 24 siegħa