Lokali
Il-proġett għall-bini ta’ 10 sulari fil-parking tat-Trade Fair ser ikun disinjat mill-ġdid

Proġett ta’ għaxar sulari propost fil-parkeġġ tal-eks Trade Fair Grounds fin-Naxxar, intbagħat lura għad-disinn wara li gġe kkunsidrat mill-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar. Iċ-Chairman tal-bord, il-Perit Vince Cassar, qal li filwaqt l-proġett propost ghħndu disinn tajjeb, il-bini huwa massiċċ meta jikkunsidra l-inħawi tal-madwar fin-Naxxar.

Wara laqgħa ta’ 4 sigħat dwar l-applikazzjoni għall-bini ta’ progett ta’ għaxar sulari fil-parkeġġ tal-ex Trade Fair ground fin-Naxxar, il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar bagħat il-pjanti lura biex jerġgħu jiġu ddisinjati. Iċ-Chairman tal-bord il-Perit Vince Cassar qal li d-disinji l-ġodda għandhom jieħdu kunsiderazzjoni tad-diskussjoni li saret waqt il-laqgħa tal-bord, biex fost oħrajn jirrispettaw binjiet oħra fiż-żona, fosthom, il-Knisja tan-Naxxar, u l-kappella ta’ San Pawl kif ukoll Palazzo Parisio li huwa skedat fl-ewwel grad.

Il-Perit tal-proġett Christian Spiteri qal li ser jemenda l-pjanti biex fost oħrajn inaqqas l-għoli tal-proġett.

Il-proġett propost fuq 5,000 metru kwadru ta’ art, kien jinvolvi l-bini ta’ 115-il appartament, ħwienet, supermarket ta’ 300 metru, uffiċini, restaurant, bar u gym. Il-proġett kien ser ikollu 2,500 metru kwadru ta’ spazzju miftuħa.

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Martin Saliba qal li l-proġett propost imur lil hinn mill-medjokrita, b’disinn innovativ li ħa joħloq destinazzjoni urbanistika.

Waqt il-laqgħa l-applikant tal-proġett Jean Borg qal li jekk il-permess ma kienx ser jiġi approvat, iż-żona ser tiġi żvilupatta skont il-policy, b’binjiet għoljin erba’ sulari u penthouse, li qal kienu ser ikunu jidhru qishom blokok tal-appartamenti soċjali.

Waqt il-laqgħa diversi membri tal-pubbliku qalu li l-proġett huwa għoli madwar 31 metru u kbir wisq għaż-żona u kien ser ikollu impatt viżiv minn diversi nħawi. Is-sindku tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami qalet li l-Kunsill Lokali ser jibqa’ jesiġi li l-proġetti li jsiru fiż-żona jsiru skont il-policies tal-ippjanar u li jirispettaw din iż-żona, fin-Naxxar.