Infrastruttura
Il-proġett ta’ parkeġġ fuq 3 sulari f’Birżebbuġa se jibda f’Ottubru

 Il-proġett ta’ parkeġġ pubbliku ppjanat max-xatt ta’ Birżebbuġa, fl-inħawi magħrufa bħala Wied il-Buni, se jibda f’Ottubru li ġej, wara li din il-ġimgħa nfetħet sejħa ta’ interess.

Il-parkeġġ se jkun imqassam fuq 3 sulari u se jkun hemm spazju għal 450 vettura. Il-livell t’isfel se jkun iddedikat għall-ħaddiema tal-Freeport filwaqt li ż-żewġ livelli oħra se jinfetħu għall-pubbliku ġenerali.

Fi żjara li għamlu llum fuq is-sit li fuqu se jinbena l-parkeġġ, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u l-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalu li l-proġett se jsir mill-Ministeru għat-Turiżmu b’ħidma konġunta ma’ Projects Plus Ltd, l-entità responsabbli mill-ħruġ tat-tender u mill-implimentazzjoni tal-proġett.

Il-proġett se jiswa €3.2 miljun u se jkun iffinanzjat mill-Malta Freeport.

Il-Ministru Ian Borg qal li l-parkeġġ se jkun qed joffri soluzzjoni kemm għall-ħaddiema tal-Freeport, għar-residenti u għall-ħaddiema tan-negozji ta’ dan ir-raħal, kif ukoll għal mijiet ta’ nies li jżuru dawn l-inħawi fis-sajf. Huwa rrefera wkoll għaċ-charging points li se jkunu disponibbli fuq kull sular tal-parkeġġ għall-vetturi elettriċi, u qal li dan jimxi id f’id mal-viżjoni tal-gvern biex jiffaċilita l-mixja lejn kultura tat-trasport aktar nadifa.

Il-Ministru Farrugia Portelli żiedet li barra li l-parkeġġ se jkun qed itaffi l-problema tal-parkeġġ, ħa jkun qed jikkumplimenta strateġija ħolistika għal Birżebbuġa, hekk kif fiż-żona mistennija 2 proġetti maġġuri mill-Ministeru għat-Turiżmu għall-familji, fosthom park tal-familja f’Bengħajsa.