Lokali
Il-proġett ta’ Triq Għeriexem: Beda t-tħaffir għall-pedamenti tat-triq

Beda tħaffir għall-bini tal-pedamenti ta’ Triq Għeriexem fir-Rabat . . . triq passaġġa li minn ħdejn il-Villa Rumana tagħti għal żoni oħra f’din il-lokalità bħad-diversi rħajjel fil-kampanja u biex tasal f’lokalitajiet oħra ġirien bħal Ħad-Dingli u l-Imtarfa.

Fi żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru Ian Borg qal li Infrastructure Malta qed tagħmel ħilitha biex tlesti l-iskavar qabel tibda x-xita waqt li assigura lir-residenti li se jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex titħares is-sigurta’ tagħhom.

112-il pilastru li bdew jitqegħdu bħala parti mill-pedament ta’ Triq Għeriexem fir-Rabat, ser iservu bħala s-sisien għat-triq li mill-Villa Rumana twassal san-Nigret u li kienet mibnija fuq tafal fraġli. Fi proġett b’investiment mill-gvern ta’ €4 miljuni, se jiġi żviluppat belvedere ġdid.

Il-perit ta’ Infrastructure Malta responsabbli mill-proġett, Corinne Dimech, qalet li t-toqob li qed jitħaffru għall-kolonni qegħdin isiru wara studju dettaljat tal-art biex jiġi assigurat li m’hemmx fdalijiet arkeoloġiċi. Il-Perit spjegat kif bl-użu tal-kolonni ser jiġi evitat li jittieħdu għelieqi ta’ taħt it-triq.

“Ħa jkunu qegħdin joħolqu bażi għall-promenade il-ġdid li ser tkun qed tiġi ffurmata ovjament bħala parti mix-xogħlijiet u li ser tkun qiegħda titgawda mill-pubbliku in ġenerali. L-istess struttura ta’ piles taħt il-promenade ħa nkunu qed ngħaddu culverts ġodda għas-servizzi, għax li hemm bħalissa huma antiki ħafna u qatt ma saret azzjoni fuqhom tant kemm it-triq tinsab fi stat diżastruż,” qalet il-Perit Corinne Dimech.

Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura. Ian Borg, qal li x-xogħlijiet bdew minnufih malli ħarġu l-permessi minħabba li t-triq kienet fi stat perikoluż ta’ kollass, b’partijiet minnha żżomm bl-għeruq tas-siġar.

“Dħalna qabel iż-żmien biex b’emerġenza nintervjenu, għaliex il-biża li t-triq iċedi bħal ma ċediet fis-Saqqajja, kienu reali u għadhom reali,” qal il-Ministru Ian Borg.

Il-Ministru Borg żied jgħid li se jittieħdu l-miżuri kollha biex jiġi assigurat li jitħarsu l-istrutturi tar-residenzi ma’ din it-triq: “Ir-residenti qed ikunu ikkonsultati, jien nfurmat li l-periti marru fid-djar tagħhom, jiena għamiltha ċara li l-entitajiet li qed jaħdmu sabiex jieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa, inkluż jekk ikun hemm bżonn li jinstabu siti alternattivi fejn huma jgħixu. Pero li huwa żġur huwa li ma nistgħux inħallu n-nies jgħixu fil-periklu li kienu qed jgħixu fih sa issa.”

Il-pilastri se jitniżżlu f’toqob li huma fondi sa ħames sulari u wiesa 60 ċentimetru. Il-pjan hu li din il-fażi tax-xogħol titlesta qabel ix-Xitwa.

Aħbarijiet Oħra

Għall-ħabta tad-9pm ġie rilaxxat mill-arrest Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, wara li kien arrestat mill-Pulizija għall-ħabta ta’ nofsillejl. Huwa ħareġ mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, akkumpanjat mill-avukati…

Qed joqrob il-jum li fih mistennija jiftħu l-bibien tagħhom l-iskejjel għas-sena skolastika ġdida, Television Malta żar uħud mit-tħejjijiet li qed isiru f’xi skejjel tal-Gvern u tal-Knisja biex jassiguraw il-prekawzjonijiet kollha…

Il-Partit Nazzjonalista qal li hija ħaġa tal-iskantament kif fl-aħħar jiem il-Kummissarju tal-Pulizija bi ftehim mal-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri ħabbar li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija se tispiċċa u dan…

Fid-Dar tal-Anzjani San Ġużepp il-Fgura bħalissa hemm ftit iżjed minn 100 anzjan li għandhom il-Coronavirus. 15 minnhom irriżultaw ilbieraħ. Il-Clinical Chair tal-Ġerjatrija, Dr Brian Farrugia, qal lil TVM li s-sitwazzjoni…

Aktar