Ilma
Il-proġett tal-ilma għall-bdiewa estiż fl-Imġarr b’6km ta’ mains

Kompla t-tkabbir tan-network ta’ ilma li jitwassal lill-bdiewa biex jużawh għat-tisqija.

Il-proġett New Water beda fl-2017 u sal-lum mijiet ta’ bdiewa ibbenefikaw minn dan l-ilma b’salinità baxxa li jagħmel iktar ġid lill-ħamrija u li bih jistgħu jkabbru iktar minn prodott wieħed.

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja bix-xogħlijiet marbuta mat-tkabbir tan-network fit-Tramuntana ta’ Malta. Il-kunċett imsejjaħ bħala New Water jgħin l-iktar lill-bdiewa biex ikunu jistgħu jużaw l-ilma fl-għelieqi tagħhom.

It-tkabbir fin-network fl-Imġarr qed isir b’investment ta’ €2 miljun mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea. Il-project manager tal-Korporazzjoni ghas-Servizzi tal-Ilma, Nicole Vassallo, qalet li n-network hija parti minn sistema innovattiva fejn bdiewa se jingħataw cards elettroniċi biex jieħdu l-ilma fi proporzjon mal-ammont ta’ art li jaħdmu.

“Il-proġett tal-Imġarr jagħmel parti mill-proġett tan-North fejn b’kollox hawn erba’ lottijiet u dan huwa wieħed minnhom. B’kollox se jkun hawn mas-sitt kilometru mains u fuq dan il-phase speċjalment, se jkun hawn 51 dispenser li magħhom il-bdiewa jistgħu jqabbdu l-pajpijiet tagħhom u jieħdu l-ilma. Apparti l-mains ta’ new water ħa ngħaddu mains tal-fibre optic kif ukoll mains tal-potable water għall-ilma li jidħol fil-vit.”

Fi żjara lix-xogħlijiet li qed isiru mill-Korporazzjoni tal-Ilma fl-Imġarr biex twassal iktar ilma f’dawn l-inħawi rurali, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli qalet li l-investiment fin-network New Water se jgħin biex il-bdiewa jkunu jistgħu jkabbru iktar ħxejjex u frott fuq perjodu itwal ta’ żmien.

“Il-Water Services Corporation qed tinvesti u qed tinvesti bil-kbir f’din is-sistema għax nemmnu li b’dan il-mod inkunu nistgħu nagħtu iktar ilma tajjeb lil iktar bdiewa b’mod li huwa ambjentalment sostenibbli,” qalet il-Ministru Dalli.

In-network ta’ New Water beda fl-2017, bil-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Ivan Falzon, jgħid li mijiet ta’ bdiewa qed jibbenefikaw minn provvista ta’ ilma b’salinità baxxa, b’ħafna bdiew bdew ikabbru iktar minn prodott wieħed bis-saħħa ta’ dan l-ilma li jagħmel iktar ġid lill-ħamrija.