Infrastruttura
Il-proġett tal-Marsa Junction wasal fl-aħħar fażi

Il-proġett infrastrutturali tal-Marsa Junction jinsab fl-aħħar fazi tiegħu, fejn qed isiru l-aħħar irtokki bi tħawwil ta’ siġar u anke opri tal-arti li ser jagħtu dehra ferm isbaħ liż-żona.

Il-Ministru tat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg, filwaqt li żar dan il-proġett, qal li f’dan l-ikbar proġett infrastrutturali li qatt sar intlaħqu diversi għanijiet, bl-iktar wieħed importanti huwa dak ambjentali, fejn minħabba li ntemmet il-konġestjoni tat-traffiku tjiebet il-kwalità tal-arja.

Il-proġett tal-Junction tal-Marsa huwa eżempju ta’ kif proġetti infrastrutturali jistgħu jgħinu biex anke l-ambjent jingħata spinta ‘l quddiem. Dan qalu l-Ministru Ian Borg, filwaqt li żar l-aħħar fażi tal-proġett li qed jitlibbes b’aktar minn 18,000 siġra u arbuxelli. Huwa qal li minħabba li naqset ħafna l-konġestjoni tat-traffiku tjiebet il-kwalità tal-arja. Spjega li l-proġett kien maħsub biex jilħaq diversi għanijiet għax joffri għadd ta’ faċilitajiet.

“18,265 siġra u arbuxelli fil-proġett tal-Marsa Junction li jikkumplimentaw aspetti oħra ambjentali. Għandek il-fatt li qiegħdin f’korsija għaċ-ċiklisti, għandek l-element tal-park and ride li ser jiffaċilita lil min jixtieq ikompli bit-trasport maqsum ma’ nies oħra. Għandek il-ħażna tal-ilma taħt dan il-proġett għat-tisqija u l-fatt li minħabba l-flyovers u strutturi ma hemmx aktar konġestjoni u allura tnaqqsu l-emmissjonijiet li jħallu warajhom il-vetturi,” qal il-Ministru Borg.

Il-proġett, li fih seba’ flyovers, sar b’investiment ta’ €52 miljun minn fondi Ewropej.

“Dan il-proġett inqisu bħala game changer għax qed jindirizza diversi aspetti li kienu meħtieġa għall-infrastruttura tat-toroq tal-pajjiż, huwa kofinanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea, filfatt hemm investiment ta’ €52 milljun, parti ġejjin mill-Connecting Europe Facility u parti mill-fond ta’ koeżjoni,” qal is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi.

Is-Segretarju Parlamentari qal li dan huwa l-mod kif għandhom jintużaw il-fondi tal-Unjoni Ewropea biex isiru proġetti infrastrutturali iżda li anke jitħares l-ambjent.