Infrastruttura
Il-proġett tal-Marsa miexi kif skedat – tlestew l-istrutturi tal-4 flyovers li baqa’

Infrastructure Malta qalet li l-akbar proġett li qed twettaq, il-bini ta’ junction ġdida fil-Marsa b’investiment ta’ €70 miljun, kompla miexi mal-iskeda. Fl-aħħar jiem tlestew l-istrutturi tal-erba’ flyovers li jonqos u issa beda x-xogħol fuq ir-rampi u t-toroq li jwasslu għalihom.

Fi żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta spjega li sakemm ma jinqalgħux diffikultajiet, is-seba’ flyovers ikunu miftuħa għat-traffiku sa Ġunju u l-proġett kollu jkun lest sal-aħħar tas-sena.

L-isfidi tal-pandemija tal-Coronavirus s’issa ma xekklux l-iskeda tax-xogħol tal-proġett tal-bini ta’ junction ġdida fil-Marsa. Wara li fl-aħħar kwart tas-sena l-oħra, Infrastructure Malta fetħet l-ewwel tliet flyovers, din is-sena l-kuntratturi ssuktaw bit-tqegħid f’posthom tat-travi, il-kolonni u l-gvieret tal-erba’ flyovers l-oħra. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Fredrick Azzopardi, spjega li l-istrutturi ta’ dawn l-erba’ flyovers issa huma lesti.

“Il-flyovers huma lesti. Jonqos biss it-toroq li jwasslu għall-flyovers u r-rampi. Jiġifieri dak li pjanajna, issa lħaqnieh u lestejnieh biex b’hekk għadna fil-ħin li nlestu l-flyovers u niftħuhom sal-aħħar ta’ Ġunju. Dak hu l-pjan oriġinali u s’issa għadna nżommu miegħu. Nista’ ngħid ukoll li lestejna diversi ġibjuni, li hawnhekk ser ikollna ħażna kbira ta’ ilma: 1.5 miljun litru. Mhux biss proġett fejn hawn strutturi imma diversi landscapes u għalhekk importanti li jkollok provvista dejjem ġejja.”

L-Inġinier Azzopardi spjega li bħalissa qed jitqiegħdu l-pedamenti ta’ żewġ pontijiet pedonali, li se jiffurmaw parti mill-passaġġi għall-mixi. Dawn se jgħaqqdu diversi faċilitajiet, fosthom: tmien waqfiet tal-karozzi tal-linja, żewġ żoni ta’ park & ride, u rotot għal postijiet tax-xogħol f’żoni industrijali, il-Marsa Sports Ground u ċ-Ċimiterju tal-Addolorata.

Intant, wara taħditiet bejn Infrastructure Malta u l-Bicycle Advocacy Group, ġew riveduti l-pjanti u qed tiżdied mina fil-proġett tal-Marsa biex tiffaċilita aktar l-ivjaġġar bil-mixi u bir-rota bejn l-inħawi ta’ Raħal Ġdid u l-Marsa u Ħal Qormi. Il-mina għaċ-ċiklisti u dawk li jivjaġġaw bil-mixi se tinfetaħ sal-aħħar tas-sena, flimkien ma’ aktar minn kilometru ta’ korsiji għar-roti li Infrastructure Malta qed tibni bħala parti minn dan il-proġett.

Mistoqsi dwar l-isfidi biex ix-xogħol jissokta f’dan iż-żmien, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta qal li l-kuntratturi ntalbu jdaħħlu fis-seħħ bosta miżuri ta’ prekawzjoni.

“Qed nitkellmu mal-kuntratturi kollha, mhux biss fuq dan il-proġett imma fuq il-proġetti kollha, biex nassiguraw li l-ħaddiema josservaw ir-regolamenti li qed joħroġ id-dipartiment tas-saħħa u anke iġjene naraw li l-ħaddiema jkunu qed isegwu r-regolamenti kollha li joħorġu l-awtoritajiet tas-saħħa.”

Spjega wkoll li anqas karozzi fit-toroq qed jippermettu li f’ċerti każi jiżdied ir-ritmu tax-xogħol fuq ċerti proġetti, fosthom dawk li jeħtieġu għeluq ta’ toroq ewlenin.