Infrastruttura
Il-proġett tas-Central Link jidħol f’fażi kruċjali bit-tir li jitlesta fi żmien sitt xhur

Daħal f’fażi kruċjali l-proġett tac-Central Link, bit-tir ta’ Infrastructure Malta li fi żmien sitt xhur oħra jkun lest u jintlaħqu l-għanijiet ta’ tnaqqis fil-ħin tal-ivjaġġar u aktar miżuri ta’ sigurtà għal mezzi ta’ trasport alternattiv. Din il-ġimgħa, il-vetturi għaddejjin minn barra Ta’ Qali bdew jużaw korsiji ġodda li nbnew fil-ġimgħat li għaddew, bix-xogħol jissokta fuq oħrajn inkluż f’parti residenzjali. Intant, barra l-ajruport beda x-xogħol li se jbiddel mill-qiegħ rotta deskritta kruċjali, fosthom għaliex tgħaqqad iċ-ċentru ma’ diversi lokalitajiet, l-ajruport u l-Port Ħieles.

L-akbar proġett ta’ titjib f’toroq ewlenin f’idejn Infrastructure Malta fil-mument hu c-Central Link li b’investiment ta’ €55 miljun jirrappreżenta l-itwal rotta sħiħa li qed tibena mill-ġdid: ‘il fuq minn 4 kilometri, mill-Imrieħel sa qabel ir-Rabat. Ix-xogħol ilu għaddej sittax-il xahar u fuq il-lant tax-xogħol hemm ‘il fuq minn 100 ħaddiem ta’ kuntratturi differenti.

“Is-Central Link issa qegħdin niftħu korsiji ġodda kważi kważi kull ġimgħa qed ikun hemm xi ħaġa li qed niftħu u aħna qegħdin nantiċipaw li skont il-pjan tagħna, lejn l-aħħar ta’ din is-sena, qed nanticipaw lejn Ottubru, is-Central Link ikun lest kompletament.”

Fil-parti ċentrali x-xogħol għaddej f’żona residenzjali f’Ħ’Attard fejn qed jinbnew mill-ġdid Triq iż-Żagħfran u Triq in-Nutar Zarb. Fit-truf taċ-Central Link qed jinbnew diversi korsiji ġodda. Din il-ġimgħa, vetturi għaddejjin fuq barra Ta’ Qali bdew jużaw korsiji ġodda. Dan se jippermetti li jibda l-bini tal-korsiji li se jkunu direzzjoni lejn ir-Rabat. Bdiet tieħu l-forma wkoll korsija għar-roti li se tkun l-itwal waħda f’Malta mifruda minn mal-vetturi.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Fredrick Azzopardi, spjega li żona oħra li se tinqala’ mill-qiegħ hi minn barra l-ajruport sa barra Ħal Luqa. Il-proġetti hawnhekk huma tnejn: wieħed li se jibdel ir-roundabout tal-ajruport f’junction ġdida bi tliet livelli: b’mini lejn Ħal Far u Birżebbuġa, korsiji ġodda lejn il-Gudja u l-ajruport u flyover lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop. L-ieħor se jelimina r-roundabout ta’ Ħal Luqa u minflokha se jinbnew mini u flyover waqt li l-ispazju kbir tar-roundabout se jinbidel fi spazju miftuħ b’siġar u pjanti.

“Stajna nibdew biss kif ikollna l-proġett ta’ Santa Luċija u tal-Marsa lesti. Għalhekk immedjatament kif kien lest il-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija, bdejna mill-ewwel din il-junction ta’ ħdejn l-ajruport u fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qed nibdew il-junction ta’ Ħal Luqa u hu stmat li bħala żewġ proġetti jkunu lesti sal-aħħar tas-sena d-dieħla.”

Bil-proġett tal-junction tal-Marsa lest, Television Malta staqsa jekk mal-għeluq tal-kontijiet u l-ħlasijiet, dan l-investiment jitħalliex għal riħu. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta spjega li apparti spezzjonijiet u testijiet li qed isiru biex ikun assigurat li ntlaħqu l-istandards ta’ kwalità u sigurtà, il-kuntrattur hu marbut b’garanzija.

“Garanzija ta’ ħames snin fejn hu obbligat li jekk ikun hemm il-ħsarat li mhux ġejjin per eżempju minn ħabtiet ta’ vetturi, imma ġejjin forsi minn xi nuqqasijiet, allura hemmhekk il-kuntrattur hu obbligat li jsewwi. Wieħed irid jaċċerta ruħu li bħala proġett jibqa’ tajjeb. Mhix kwistjoni biss li inawgurajtu imma jibqa’ kif inhu.”

L-Inġinier Azzopardi qal li l-aġenzija tibqa’ responsabbli għal manutenzjoni ta’ rutina, hemm kuntratt bejn il-Gvern u l-konsorzju ELC għax-xogħol ta’ ġardinaġġ u ż-żamma tas-siġar u arbuxelli, waqt li kuntratt ieħor mal-Enemalta jorbotha tieħu ħsieb il-manutenzjoni tad-dwal.