Televiżjoni u Radju
Il-programm Ħadd Għalik jinqabad f’kontroversja politika

Il-programm divertenti Ħadd Għalik, li kien ser ilaqqa’ Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-deputati ma’ atturi tal-Pantomimi, ġie pospost għal darb’ oħra, b’deċiżjoni tal-PBS.

Is-sospensjoni tal-edizzjoni ta’ Ħadd Għalik li kellha tixxandar il-Ħadd wara nofsinhar ġiet sospiża wara li ż-żewġ deputati Nazzjonalisti li kienu ser jipparteċipaw fiha l-Viċi Kap David Aguis u d-deputat Toni Bezzina għarrfu lill-produtturi, lill-PBS u lill-Awtorità tax-Xandir illi m’għandhomx il-permess tagħhom biex ixxandar kwalunke silta li turi lilhom.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li dal-programm kien ilu rekordjat mit-12 ta’ Novembru f’ċirkostanzi differenti minn dawk tal-lum u għalhekk esiġa li l-programm ma jixxandarx.

Żied jgħid li tul is-snin id-deputati tal-Partit Nazzjonalista dejjem taw il-kontribut tagħhom fi programmi ta’ dan it-tip, iżda qal li ċirkostanzi ta’ bħalissa mhumiex normali, u għalhekk it-trażmissjoni ta’ dan il-programm ma kinitx aċċetabbli għad-deputati Nazzjonalisti. Qalu li dan għamluh mingħajr l-ebda diżrispett lejn dawk kollha li ħadu sehem fil-programm dakinhar, fosthom id-Deputati Laburisti.

U b’reazzjoni għal dan, il-Partit Laburista qal fi stqarrija li b’din l-attitudni, il-Partit Nazzjonalista qed juri li nħakem minn dawk li jridu jnisslu l-firda. Żied jgħid li fi żmien fejn il-poplu jfittex li jwarrab id-differenzi, il-Partit Nazzjonalista qed jagħmel minn kollox biex dawn id-differenzi joħloqhom. Qal li wara li bbojkottja Jum ir-Repubblika, issa ħoloq plejtu fuq sempliċiment programm.

Il-PBS min-naħa tiegħu fi stqarrija skuża ruħu mat-telespettaturi, li minflok il-programm skedat ixxandar repetizzjoni ta’ edizzjoni oħra. Żied jgħid li kontra dak li ġie mxandar f’midja oħra, il-PBS ma rċeviet fl-ebda direttiva mill-Awtorità tax-Xandir jekk il-programm għandux jixxandar jew le.

Qalet li wara l-insistenza taż-żewġ parteċipanti li rtiraw il-parteċipazzjoni tagħhom, il-PBS ħa d-deċiżjoni tiegħu fid-dawl li programm ta’ dan il-ġeneru għandu ħsieb uniku li jagħti gost lill-udjenza u m’għandux ikun ċentru ta’ kontroversja, anzi għandu jżomm ferm ‘il bogħod mill-kontroversja.

Qalet li fin-nuqqas ta’ qbil minn uħud mill-parteċipanti u fid-dawl tan-nuqqas ta’ ħin sabiex jinstab kompromess, il-PBS ħasset li d-deċiżjoni għaqlija ta’ l-istazzjon nazzjonali kellha tkun li l-programm skedata għal lum jigi sospiż. Il-PBS qalet m’għandha l-ebda problema li jekk tinstab soluzzjoni l-programm jixxandar bis-sehem tal-parteċipanti kollha.

Ara wkoll:

Il-PBS jispjega għalfejn Ħadd Għalik tal-lum ma xxandarx

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li l-Prim Ministru Robert Abela għandu jilqa’ l-proposta tal-oppozizjoni biex il-kummissarju l-ġdid jinħatar b’mod li jgawdi l-fiduċja ta’ kulħadd. Qal li għalkemm hu tajjeb…

Politika

Fl-ewwel attività politika tiegħu bħala Prim Ministru fir-Rabat Għawdex, Dr Robert Abela qal li kuntrarju għal partiti oħra, il-Partit Laburista ħareġ aktar b’saħħtu mill-elezzjoni għall-mexxej ġdid. Il-Mexxej Laburista qal li…

Kronaka

Għawdxija ta’ 35 sena tilfet ħajjitha waqt li dalgħodu kienet qed togħdos fil-bajja ta’ Mġarr ix-Xini. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-10.30am. Il-Pulizija qalet lil TVM li l-mara, li hija mir-Rabat, Għawdex,…

Aktar