Lokali
Il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment ikkontribwixxa €600 miljun fil-fond nazzjonali

Il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, l-IIP sa issa kkontribwixxa kważi sitt mitt miljun ewro (€582) fil-fond nazzjonali għall-iżvilupp soċjali li twaqqaf apposta u fil-Fond Konsolidat. Fir-rapport annwali maħruġ mill-Uffiċċju li jirregola dan il-programm saru rakkomondazzjonijiet biex il-programm jibqa’ attraenti fosthom billi jsir tibdil fir-rigward tal-pubblikazzjonijiet tal-ismijiet. Ir-regolatur Charles De Gabriele qal li l-applikanti li mhux jgħaddu mill-għarbiel rigoruż ta’ Malta, qed jiġu aċċettati fi programmi simili f’Ċipru u l-Portugall fost l-oħrajn.

Bejn l-1 ta’ Lulju tal-2017 u t-30 ta’ Ġunju li għadda, l-Aġenzija tal-programm ta’ ċittadinanza b’investiment (MIIPA) rċeviet 330 applikazzjoni , 47 inqas meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena ta’ qabel (377).

Skont ir-rapport annwali tar-regolatur l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment għadu jattira interess minkejja l-kritika li saret għalih. Miċ-ċifri joħroġ mill-programm IIP sal-aħħar ta’ Ġunju 2017 ġew depożitati €408 miljun fil-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali u €174 miljun oħra fil-Fond Konsolidat.

F’kummenti lil TVM, ir-regolatur tal-programm, Carmel Degabriele qal fil-fehma tiegħu t-tnaqqis fl-applikazzjonijiet hu riżultat ta’ bosta raġunijiet fosthom l-iskrutinju qawwi li qed isir. Qal li madwar 20% tal-applikazzjonijiet jiġu rrifjutati jew irtirati minħabba l-għarbiel dejjaq tal-aġenzija.

Ir-regolatur spjega li kull applikant jgħaddi minn erbgħa saffi ta’ due diligence biex ikun assigurat li hu u qrabatu m’humiex kriminali jew qed jipprovaw jiksbu ċ-ċittadinanza Maltija għal skopijiet illegali fosthom ta’ ħasil ta’ flus. Stqarr li madankollu l-applikanti rrifjutati minn Malta qed jiġu jaċċettati minn uħud mit-tnax-il pajjiż l-ieħor fl-Unjoni Ewropea li għandhom skemi simili ta’ ċittadinanza.

Carmel De Gabriele qal “ħafna minn dawk li qed jeħlu hawnhekk sussegwentament jgħaddu minn Ċipru u jispiċċaw fl-Ewropa xorta”.

Fir-rapport, is-Sur De Gabriele qal li ħafna mill-160 aġent li hu approva biex jippromovu l-programm ta’ ċittadinanza ta’ Malta qed jinsistu li l-pubblikazzjoni fil-gazetta tal-gvern tal-ismijiet tal-persuni li jiksbu ċ-ċittadinanza qed tnaffar ħafna applikanti.

Carmel De Gabriele qal “l-aġenti qalulna isma qegħdin tgerrxu lin-nies għax ħafna min-nies ma jridux dik il-publicity ma jixtiquhiex. Aħna qed ngħidulhom mill-bidu però qed ngħidulhom ukoll li tista’ tinbidel din, allura qed jibqgħu għaddejjin imma meta jaslu fl-aħħar u jsibu li din għadha fejn hi ġieli qed jitilqu ‘l barra jkunu ħalsu l-€5000 tal-bidu u kollox, anzi €10,000 għax ħamsa u ħamsa, imma jieqfu hemm”

Is-Sur De Gabriele qal li f’dan l-isfond irrakkomanda lill-Gvern jikkkunsidra mezzi alternattivi bil-għan li jżomm il-programm attraenti, jibqa’ xorta trasparenti u fl-istess waqt iħares il-kunfidenzjalità tal-applikanti Semma fost l-oħrajn il-possibiltà li minflok jiġu ppubblikati, l-ismijiet jgħaddu minn skrutinju parlamentari fejn id-deputati b’aċċess għall-informazzjoni jieħdu ġurament ta’ segretezza.

Qal li sfida oħra għall-applikanti tal-IIP hi biex jiftħu kontijiet fil-banek lokali li hi waħda mill-kriterji fil-liġi biex jiksbu ċ-ċittadinanza. Ir-regolatur semma li f’xi okkażjonijiet qed idumu aktar minn seba’ xhur jistennew. Fir-rapport, ir-Regolatur esprima d-diżappunt tiegħu li istituzzjonijiet barranin li kkritikaw il-programm ta’ Malta u saħansitra bagħtu delegazzjonijiet f’Malta fosthom il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, baqgħu ma talbux laqgħa mal-Uffiċċju tar-regolatur.

Aħbarijiet Oħra
Kisbiet

Iċ-Chairman tal-Public Broadcasting Services Limited, Cavaliere Dr Tonio Portughese ppreżenta d-DVDs tal-kunċert mill-Banda La Valette “La Sollevazione di Cristo” u l-intervista mal-Mro Joseph Sammut lill-President Jonathan Grima kif ukoll lis-Sindku…

Droga

16-il persuna, fosthom żewġ nisa, fl-etajiet ta’ bejn l-20 u l-55 sena, temmew programm ta’ rijabilitazzjoni mill-użu tad-droga u ħadu sehem f’ċerimonja ta’ gradwazzjoni li ċċelebrat is-suċċess tagħhom. Iċ-ċerimonja bit-tema…

Lokali

Il-Fondazzjoni Foodbank Lifeline tal-Knisja Metodista f’Malta qed tkompli tifrex il-ħidma tagħha bit-tqassim ta’ ikel lil familji fil-bżonn. Il-Fondazzjoni qalet li sal-aħħar tas-sena mistennija tgħin aktar minn 16,000 persuna bi spiża…

Kronaka

Ġuvni u tfajla weġġgħu gravi wara li tard lbieraħ kienu involuri f’inċident bil-karozza. Il-Pulizija kienet infurmata bil-każ fi Triq id-Daħla ta’ San Tumas f’Marsaskala għall-ħabta tal-11.00pm. Mill-ewwel stħarriġ tal-Pulizija tad-Distrett…

Aktar