Ekonomija u Finanzi
Il-programm ta’ residenza Maltija iġġenera dħul dirett ta’ €20 miljun waqt il-pandemija

Il-programm ta’ residenza Maltija iġġenera dħul dirett ta’ €20 miljun fis-sena tal-pandemija u €50 miljun f’inqas minn ħames snin li ilu jitħaddem mill-aġenzija li se tibda tissejjaħ Residenza Malta.

Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat.

Is-Segretarju Parlamentari Muscat kien qed jitkellem fil-ftuħ tad-diskussjoni fil-Parlament fuq l-abbozz ta’ liġi biex ikunu ippubblikati regolamenti għal ħruġ ta’ residenza permanenti lil ċittadini u d-dipendenti tagħhomli ġejjin minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea.

Is-Sur Muscat qal li taħt il-programm ta’ residenza qed ikunu ipproċessati mal-110 applikazzjoni kull xahar, u li kell ilu li ddaħħal dan il-programm saru 2,500 applikazzjoni għal residenza permanenti. Hu żied jgħid li taħt dan il-programm ta’ residenza sar investiment ta’ €124 miljun fuq propjetà u ġġenera 426 impjieg ġdid, li 136 minnhom huma fuq bażi fultajm. Muscat żied jgħid li Malta għandha l-iktar proċess rigoruż ta’ due diligence fl-Ewropa, u li dawn il-barranin jinvestu f’Malta minħabba li pajjiżna joffri sigurtà, b’livell għoli ta’ saħħa u settur finanzjarju b’saħħtu.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern Beppe Fenech Adami qal li l-Oppożizzjoni taqbel ma’ programmi ta’ residenza fejn qal li l-barranin iqisu r-reġim tat-taxxa, il-livell tal-għixien u s-sigurtà qabel jiddeċiedu li jieħdu residenza f’pajjiż ġdid. Qal li l-pajjiż irid jibgħat il-messaġġ li ma jaċċettax kollox għax sostna li l-programm ta’ ċittadinanza kien fih żbalji kbar li għamlu ħsara lir-reputazzjoni tal-pajjiż.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali, u l-Infruzar tal-liġi, Byron Camilleri qal li biex jieħdu residenza permanenti f’Malta, il-barranin iridu jinvestu aktar fi propjeta jew kiri u huma obbligati li jagħtu donazzjoni lil għaqdiet mhux governattivi. Qal li taħt l-abbozz qed jiżdiedu anke t-tariffi. Il-Ministru Camilleri qal li l-programm jinsisti li min jiġi jgħix permanentament f’Malta jrid jippreżenta prova li għandu kondotta tajba. Hu temm jgħid li l-bannanin li ġew rifjutati taħt il-programm li għadda, ġew aċċettati f’pajjiżi oħra Ewropej.