Lokali
Il-protesta tal-Belt saret bla permess – qed jiġi identifikat min kiser ir-regolamenti tal-Covid

Il-protesta kontra l-vaċċin tal-Covid-19 fil-Belt Valletta dalgħodu kienet parti minn moviment li llum niżel fit-toroq ta’ diversi pajjiżi jappella biex tiġi rrispettata l-libertà tal-individwu. Oriġinarjament, id-dimostrazzjoni f’Malta kienet se tiġi organizzata mill-Human Health Alliance li ftit sigħat qabel irtirat billi qalet li l-Pulizija ma tathomx permess. L-organizazzjoni qalet li se tikkontesta d-deċiżjoni fil-Qorti Kostituzzjonali. Madankollu, diversi nies attendew xorta.

Il-protesta saret taħt għajnejn preżenza żgħira ta’ Pulizija. Mistoqsi minn Television Malta kemm tħarrku nies fosthom għax ma kinux lebsin il-maskra, kelliem għall-Pulizija qal li ma kienx hemm approvazzjoni biex issir din il-protesta u li għaddejjin investigazzjonijiet biex jidentifikaw persuni li setgħu kisru r-regolamenti marbutin mal-Covid-19.

Sejħa biex tiġi rispettata l-għażla ta’ min ma jridx jitlaqqam kontra l-Covid-19 kien wieħed mill-messaġġi ewlenin ta’ grupp ta’ nies fil-Belt dalgħodu. Huma argumentaw ukoll li r-restrizzjonijiet għandhom jitneħħew għax imorru kontra l-libertà tal-individwu.

Il-folla ffurmata minn Maltin u barranin waqfet f’diversi postijiet fil-Belt biex wasslet il-messaġġ tagħha fosthom fi Pjazza Tritoni u quddiem bini pubbliku bħall-Palazz, Kastilja u l-Parlament. Ħafna persuni ma kinux lebsin il-maskra u ma ġietx osservata d-distanza soċjali.

Huma saħqu li t-tilqima m’għandhiex tkun imposta u qalu li meta jiġri hekk nkunu qed ngħixu f’dittatorjat u mhux f’demokrazija. Qalu, li l-awtoritajiet f’Malta qed jesaġeraw u akkużaw lill-midja li mhix tagħmel xogħolha sew. Saħqu, li t-tilqima m’għandhiex tingħata lil tfal b’uħud tkellmu kontra l-Green Pass.

Ara wkoll: