Protezzjoni Ċivili
Il-Protezzjoni Ċivili attrezzata aħjar għal tifi ta’ nar kbir

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili hu attrezzat aħjar biex ikollu provista ta’ ilma għal tifi ta’ nar kbir, bħal f’żoni industrijali. Erba’ bowsers ġodda li nxtraw bi flus mill-Malta Industrial Parks jifilħu jġorru bejniethom aktar minn 120,000 litru ta’ ilma.

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu erba’ trakkijiet ġodda li jifilħu jġorru kwantità kbira ta’ ilma biex jintużaw f’ħidmiet ta’ tifi ta’ nar kbir. Il-bowsers inxtraw mir-Renju Unit u se jkunu bbażati fl-istazzjon tad-dipartiment f’Ħal Far.

“Qed nitkellmu fuq inċidenti maġġuri u inċidenti industrijali fejn trid kwantita kbira ta’ ilma kull minuta,” qal id-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila.

 

Id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila qal li l-ħtieġa għall-investiment f’dawn l-inġenji kien xprunat min-nirien qawwija li fl-2017 ħakmu binja li kienet qed tintuża bħala maħżen fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far. Qal li n-nirien kienu damu iżjed minn ġimgħa biex intfew u l-ħsarat kienu estensivi. Wara dak il-każ, kien sar ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn il-Malta Industrial Parks u l-Protezzjoni Ċivili għax-xiri ta’ dawn l-erba’ trakkijiet.

“B’dawn it-trakkijiet, il-protezzjoni ċivili kif se jkolha inċident maġġur mill-ewwel se mmorru b’120 elf litru ilma fuq il-post, b’ilma biżżejjed u b’set up tajjeb, in-nar ittih kwantità kbira ta’ ilma u tibqa’ ittih dan l-ammont ta’ ilma,” kompla Emmanuel Psaila.

Il-Ministru tal-Ekonomija, Silvio Schembri, qal li l-Malta Industrial Parks ħarġet €190,000 għax-xiri ta’ żewġ bowsers tal-ilma li jġorru mat-42,000 litru u żewġ bowsers oħra li jġorru mal-20,000 litru kull wieħed. It-trakkijiet huma kompluti bil-pompi u tagħmir ieħor. Il-Ministru Schembri qal li l-għotja tal-Malta Industrial Parks tifforma parti mill-pjan għar-riġeneazzjoni ta’ żoni industrijali li għandu valur ta’ aktar minn 400 miljun ewro.

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali, Byron Camilleri, qal li parti l-ftehim jaħseb biex il-Protezzjoni Ċivili tħarreġ aktar minn mitt impjegat tal-Malta Industrial Parks fuq għarfien bażiku dwar it-tifi tan-nar.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Mistoqsija dwar jekk trabi għandhomx jitlibbsu maskri, Prof Gauci qalet li tfal taħt 3 snin m’għandhomx jitlibbsu l-maskra għax din tista’ tkun ta’ periklu għalihom. Dan qalitu meta kienet qed…

COVID-19

Il-Partit Nazzjonalista qal li jinsab infurmat li l-kumpanija Gozo Channel għad m’għandhiex sistema adegwata biex tara li fuq il-vapuri u fit-terminals, il-passiġġieri josservaw il-miżuri ta’ prevenzjoni mill-COVID-19 li ħabbar il-Gvern…

Kultura

Minn issa ‘l quddiem waħda mill-isbaħ xeni tal-Port il-Kbir tista’ titgawda minn fuq il-bejt ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fil-Belt. Dan hekk kif fi tmiem il-ġimgħa saret l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett…

COVID-19

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li minn meta daħal fis-seħħ l-avviż legali l-ġimgħa li għaddiet, diġà nħarġu ħames multi ta’ €3,000 ‘l waħda għal organizzaturi ta’ attivitajiet, restoranti…

Aktar