Lokali
Il-Protezzjoni Ċivili b’vetturi tat-tifi tan-nar ġodda

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili beda l-proċess biex jibdel il-vetturi tat-tifi tan-nar minħabba li għamlu żmienhom. L-ewwel ħames vetturi ġodda b’kapaċitajiet akbar mill-vetturi ta’ bħalissa għaddew f’idejn id-Dipartiment. Fl-inawgurazzjoni, il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia ħabbar li qed jitħejjew liġijiet biex id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jingħata poteri eżekuttiv fuq il-prekawzjonijiet li għandu jkun hemm fil-bini kontra n-nirien.

B’investiment ta’ €900,000 d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili żanżan ħames vetturi ġodda tat-tifi tan-nar li kull waħda ġġorr mal-5,000 litru ilma, 1,000 litru aktar mill-vetturi li d-Dipartiment kien qed juża fl-aħħar 19-il sena.

Id-Dipartiment qed jaġġorna l-flotta ta’ 50 vettura biex sa tmiem din is-sena jkollu 12-il vettura ġdida. Il-vetturi l-ġodda huma mgħammra b’teknoloġija moderna biex ikunu jistgħu jirrispondu għall-emerġenzi li jinqalgħu bl-aktar mod effettiv.

Fl-inawgurazzjoni tal-vetturi l-ġodda, il-Ministru Michael Farrugia qal li wasal iż-żmien li jsiru liġijiet biex id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jkollu s-setgħa jesiġi li l-miżuri tas-sigurtà fil-bini jkunu segwiti bir-reqqa.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li “id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jkun jista’ jieħu l-passi jekk binjiet ma jkunx mibnija skont il-policies u allura joffru periklu għal min qiegħed joqgħod fihom speċjalment fejn jidħol bini għoli jew inkella postijiet ta’ divertiment. Il-liġijiet li qed naħdmu fuqhom, li l-CPD tingħata d-dritt u l-awtorità li tidħol u anke tkun eżekuttiva u taġixxi”.

Id-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila qal li l-ħaddiema u l-voluntiera jagħtu servizz minn qalbhom iżda jeħtieġ li t-tagħmir li jaħdmu bih ikun addattat.

Emanuel Psaila qal li “huwa xogħol daqsxejn iebes li tħabbat wiċċek mal-inċident, fejn il-poplu joħroġ ’il barra mill-inċident, aħna rridu nidħlu biex insalvaw u nipproteġu. Dan ix-xogħol nagħmluh minn qalbna u mhux għall-paga, volontarjat u huwa aktar uman għax inkunu qrib in-nies biex inservu u nipproteġu liċ-ċittadin”.

Id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili qal li se tinxtara vettura b’sellum li jitla’ sa 18-il sular f’każ ta emerġenzi f’bini għoli.