Unjoni Ewropea
Il-Protezzjoni Ċivili tal-UE

Spiss nisimgħu b’diżastri naturali li jseħħu kemm fl-Ewropa u anka ’l barra minnha. Dawn it-traġedji kemm-il darba jiġru bla ħsieb u jġibu magħhom ħerba sħiħa.

F’ċerti każijiet, il-pajjiż jew pajjiżi milquta mit-traġedja ma jkollhomx ir-riżorsi neċessarji biex jirrispondu għall-konsegwenzi li tkun ġabet magħha dik it-traġedja. Sabiex ikun iktar faċli li pajjiż isib l-għajnuna f’sitwazzjonijiet bħal dawn, l-Unjoni Ewropea ħolqot il-Mekkaniżmu ta’ Protezzjoni Ċivili.

Permezz ta’ dan il-Mekkaniżmu, l-Unjoni Ewropea tgħaqqad flimkien ir-riżorsi fil-qasam tal-protezzjoni ċivili u b’hekk tkun tista’ tipprovdi rispons kollettiv aktar b’saħħtu u aktar koerenti. Sal-lum, il-pajjiżi parteċipanti f’dan il-Mekkaniżmu huma l-Istati Membri kollha tal-Unjoni, flimkien ma’ sitt Stati oħra – l-Iżlanda, in-Norveġja, is-Serbja, il-Maċedonja tat-Tramuntana, il-Montenegro u t-Turkija.

Meta pajjiż jintlaqat minn diżastru u tintalab l-għajnuna permezz ta’ dan il-Mekkaniżmu, l-Unjoni Ewropea tikkoordina l-għajnuna li tkun disponibbli mill-pajjiżi partecipanti. B’hekk ikun iktar faċli li tingħata l-għajnuna meħtieġa u f’waqtha.

Sa mill-bidu tiegħu fl-2001, dan il-Mekkaniżmu wieġeb għal aktar minn 300 talba għal għajnuna, kemm ġewwa u kemm barra mill-Unjoni Ewropea.

Kwalunkwe pajjiż fid-dinja jista’ jitlob l-għajnuna permezz tal-Mekkaniżmu. Infatti, dan ġie użat diversi drabi f’diżastri devastanti u emergenzi kumplessi, fosthom meta faqqgħet l-Ebola fl-Afrika tal-Punent (2014) u fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2018), il-kunflitt fl-Ukrajna (2014), it-terremot fin-Nepal (2015), il-kriżi tar-refuġjati u l-migrazzjoni fl-Ewropa (2015) u n-nirien fil-foresti fir-reġjun tal-Mediterran (2017) u fl-Iżvezja (2018).

Minbarra li jirrispondi għal talbiet għall-għajnuna, dan il-Mekkaniżmu għandu l-iskop ukoll li jtejjeb il-prevenzjoni u l-preparazzjoni għad-diżastri li jistgħu jinqalgħu. F’dan ir-rigward, il-Mekkaniżmu jgħin biex jikkoordina l-attivitajiet ta’ tħejjija u prevenzjoni u jikkontribwixxi għall-iskambju tal-aħjar prattiċi.

F’Marzu 2019, l-Unjoni Ewropea kompliet issaħħaħ dan il-Mekkaniżmu billi stabbiliet riżerva Ewropea ġdida ta’ kapaċitajiet (ir-‘riżerva rescEU’) li inizjalment tinkludi ajruplani tat-tifi tan-nar u ħelikopters. Permezz tat-tisħiħ tal-Mekkaniżmu, l-Unjoni Ewropea qed tistabbilixxi l-bażi biex tkun imħejjija u tirreaġixxi aħjar għal emerġenzi oħra fil-futur, bħal emerġenzi mediċi, kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari.

Dan it-tagħrif miġbur minn:

Aħbarijiet Oħra
Edukazzjoni

Charles Caruana Carabez, Kummissarju għall-Edukazzjoni fl-Uffiċċju tal-Ombudsman, qal li se jibda jinvestiga l-isfida dejjem tikber tan-nuqqas ta’ għalliema fis-sistema tal-edukazzjoni, li fi kliemu tinsab f’xifer ta’ kriżi. Waqt li kien…

Edukazzjoni

Skola partikolari li ddeċidiet li tibda tibgħat iċ-ċirkolari lill-ġenituri bl-Ingliż biss ħolqot dibattitu jaħraq fuq il-midja soċjali. Kien l-awtur Trevor Zahra li fuq Facebook ippubblika parti miċ-ċirkolari ta’ din l-iskola…

Enerġija

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li minkejja ż-żieda fil-prezz taż-żejt wara l-attakki li seħħew fuq il-faċilitajiet taż-żejt fl-Arabja Sawdija, il-Gvern mhux qed jippjana li jgħolli l-kontijiet. Il-Prim Ministru qal dan…

Edukazzjoni

Anzjani li jinsabu fir-residenza għall-anzjani San Vincenz De Paul u f’Dar San Ġużepp fil-Fgura se jkunu jistgħu jsegwu korsijiet organizzati mill-Università ta’ Malta fir-residenzi stess hekk kif Malta saret l-ewwel…

Aktar