Ambjent
Il-pubbliku jista’ jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-viżjoni ambjentali li għandha tkun implimentata

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi fetħet proċess ta’ konsultazzjoni biex il-pubbliku u dawk kollha interessati jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar il-viżjoni ambjentali li għandha tkun implimentata fit-30 sena li ġejjin bit-tama li l-poplu jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar.

L-ambjent huwa ta’ importanza kbira għas-saħħa tal-bniedem tant li l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi nediet strateġija biex il-pubbliku bl-għażliet tiegħu jieħu ħsieb l-ambjent. Claire Cordina Borg qalet li huwa importanti ħafna li kulħadd jifhem x’għandu jsir biex il-viżjoni tal-Awtorità msejħa Wellbeing First tkun implimentata.

”Importanti li kulħadd jgħarraf lilu nnisfu x’inhi din il-viżjoni tal-well being first li għandha l-era għall-istrateġija nazzjonali tal-ambjent sal-2050 u jikkontribwixxi għaliha biex iħossu parti minnha għax mingħajr ma jkollna lill-pubbliku on board din il-viżjoni tal-era l-benefiċċju li nistgħu nieħdu jkun limitat jew mir-riħ.”

Permezz tal-konsultazzjoni pubblika l-Awtorità ser ittejjeb il-viżjoni preżenti biex ikunu żviluppati pjani ta’ azzjoni ħalli fuq 30 ikun hemm tliet pakketti ta’ miżuri, wieħed għal kull 10 snin li jibnu fuq xulxin.

Il-viżjoni tal-Awtorità tal-Ambjent tista’ twassal għal bidla pożittiva li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja għax l-ambjent jingħata l-protezzjoni tant meħtieġa għas-saħħa tal-bniedem.