COVID-19
Il-pulizija b’9,500 spezzjoni fuq nies bi kwarantina mandatorja

Lil hinn mis-sensazzjonaliżmu ta’ wħud u tixrid ta’ informazzjoni falza fuq il-mezzi soċjali, jidher li hemm sens ċiviku qawwi li qed jgħin lill-pulizija biex jinfurzaw l-avviżi legali dwar il-Covid-19. Fl-aħħar jiem kienu numerużi r-rapporti li saru lill-pulizija dwar il-ksur tal-ordnijiet tal-kwarantina kif ukoll ta’ persuni li jkunu fi gruppi ta’ aktar minn tlieta min-nies.

Minn kemm ilha li daħlet il-Covid 19 f’pajjiżna, uffiċjali tal-pulizija qalu li żdied ħafna x-xogħol, bl-avviżi legali ġodda intenzjonati biex tiġi kkontrollata l-imxija ta’ dan il-virus, u li kien għalhekk li twaqqfet taqsima apposta flimkien mal-control room biex tiffoka fuq telefonati relatati ma’ dawn l-avviżi legali.

Sal-bieraħ il-pulizija għamlu 9,477 spezzjoni fuq nies li qegħdin fuq kwarantina mandatorja, u li minnhom instab li kien hemm 66 li abbużaw u ngħataw taħrika ta’ tlett elef ewro kull wieħed.

Saru wkoll 4,856 spezzjoni fuq stabbilimenti li suppost jinsabu magħluqa, u li minnhom kien hemm 10 li nstabu miftuħin u ngħataw taħrika ta’ €3,000 kull wieħed ukoll.

L-Ispettur Justin Camilleri mill-control room tad-depot u s-servizz il-ġdid tal-Covid 19, qal li l-publiku huwa infurmat sew bl-obbligi li joħroġ mill-avviżi legali u dan jixhduħ ir-rapporti li qed jaslulhom.

“Fil-bidu kien ikollna telefonati fuq ksur ta’ kwarantina, imma issa qed ikollna iktar ta’ ġemgħat ta’ iktar minn tlieta, u l-Ħadd kellna iktar minn 60 rapport ta’ dan il-każ.”

Is-Surġent Rodianne Bartolo Hayden mis-sezzjoni tas-CMRU stqarret li l-Korp qed jaħli riżorsi importanti b’rapporti foloz waqt li appellat li fejn ikun osservat ksur tal-liġi għandu jsir rapport direttament lill-pulizija.

“Jekk persuna qed tara irregolarità mal-Covid 19 u l-avviżi legali, jirrapurtaw pulizija milli fuq social media għax qed ikun hemm ħela ta’ ħin għax sakemm rapporti jaslu għandna, l-evidenza jilħqu jitilqu n-nies, u jkun hemm uploads li jagħtu l-impressjoni bħalissa meta ma jkunux.”

Is-Surġent Bartolo Hayden saħqet li min juża mezzi soċjali għandu jkun responsabbli. Appellat biex min jagħmel rapport ikun ġenwin u mhux isir rapport fuq xi ħaġa li ġrat jiem ilu għax ikun għalxejn.

Il-Ħadd li għadda wara telefonati li daħlu wkoll fuq in-numru 2294 4511 u 2294 4504 u anki minn patrols li saru mill-pulizija ngħataw total ta’ 81 taħrika f’Malta u Għawdex b’nies li nqabdu jinġemgħu fi gruppi ta’ 4 jew aktar u weħlu 100 ewro kull wieħed.

Il-pulizija appellat biex każijiet ġenwini jiġu rappurtati biex tittieħed azzjoni f’waqtha f’din il-pandemija biex ma tkomplix tinfirex.

Aħbarijiet Oħra
Immigrazzjoni

Wara kważi erbgħin jum fuq il-baħar, il-Gvern Malti ddeċieda li jdaħħal f’Malta lill-immigranti li kienu qed jinżammu barra t-territorju Malti. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li s-sitwazzjoni fuq dawn il-vapuri saret…

Enerġija

L-istudju għall-impatt ambjentali għall-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija ġie sottomess lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, ERA, waqt li l-awtoritajiet kompetenti fl-Italja qed jiffinalizzaw l-istudji biex jiġi ppreżentat ukoll ir-rapport tal-impatt…

Stejjer Umani

Imweġġa’ bil-qtil brutali tal-Afro Amerikan George Floyd fl-Istati Uniti u bil-qtil razzista wkoll tal-immigrant Lassana Cisse s-sena li għaddiet, Martina Borg marret fuq il-midja soċjali b’messaġġ emozzjonali kontra r-razziżmu. It-tfajla…

Aktar