COVID-19
Il-Pulizija bdew rondi biex jaraw li n-nies fit-triq lebsin il-maskra

Mis-Sibt, l-ilbies tal-maskri sar obbligatorju mill-bieb tad-dar ‘il barra. Din hi waħda minn tliet miżuri mħabbra mill-gvern l-Ġimgħa filgħaxija biex titrażżan l-imxija tal-COVID-19. Mis-Sibt ukoll żdied l-infurzar bis-sehem ta’ erba’ awtoritajiet u min-nhar it-Tnejn stabbilimenti ta’ diveritment bħal bars u każini jridu jagħlqu sal-11 pm.

L-awtoritajiet jisħqu fuq użu tajjeb tal-maskri b’mod li jgħattu l-imnieħer, il-ħalq u l-geddum; li taħsel idejk qabel u wara li tilbisha; u li ma tmissiex.

Is-Sibt filgħodu ltqajna ma’ diversi uffiċjali tal-Pulizija u tal-LESA f’rondi biex jassiguraw li n-nies fuq barra lebsin il-maskri, anke jekk għall-ewwel ġimgħa ma japplikawx il-multi. Mat-trasport pubbliku, il-ħwienet u postijiet pubbliċi interni, mis-Sibt filgħodu l-obbligu li jintlbisu l-maskri daħal fis-seħħ għal kulħadd mill-bieb ‘il barra, għajr għal ftit ċirkustanzi.

Jistgħu ma jilbsux il-maskra biss it-tfal ta’ taħt it-tliet snin, min għandu xi kundizzjonijiet mediċi speċjalment dawk respiratorji u ta’ mġiba, jew min minħabba nuqqas ta’ smigħ jaqra x-xofftejn. Il-maskra tista’ ma tintilibisx waqt attività fiżika qawwija bħal f’gym, ġiri u waqt li wieħed ikun qed juża r-rota. Tista’ titneħħa wkoll għal ftit ħin meta jkun hemm ħtieġa ta’ identifikazzjoni bħal fil-bank u fl-ajruport, imma trid terġa’ tintlibes minnufih wara. Il-maskra tista’ titneħħa wkoll biex isir trattament fuq il-wiċċ jew waqt li wieħed ikun qed jieħu xi mediċini jew ikun qed jingħata servizz.

Il-bqija l-maskra għandha tintlibes minn kulħadd u kullimkien, f’toroq, pjazez u l-postijiet tax-xogħol kollha; sakemm wieħed ma jkunx waħdu f’uffiċċju. L-awtoritajiet tas-saħħa qalu li meta wieħed imur f’restaurant għandu jneħħi l-maskra biss meta jpoġġi mal-mejda u waqt li jkun qed jiekol. Maskra tista’ titneħħa meta wieħed ikun waħdu fil-karozza, imma hu rakkommandat li tintlibes meta fl-istess karozza jkun hemm persuni li ma jgħixux flimkien.

Min-nhar it-Tnejn it-tfal fil-primarja jridu jilbsu l-maskra l-ħin kollu anke fil-klassi, bħalma diġà qed iseħħ fil-livell sekondarju u post-sekondarju. Dan ma jgħoddx għal tfal fiċ-childcare centres u l-kindergarten.

L-infurzar se jiżdied bis-sehem ta’ erba’ awtoritajiet: il-pulizija, il-LESA, id-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali u l-Awtorità tat-Turiżmu. Min jinqabad bla maskra jeħel multa ta’ €50 u tista’ titla’ għal €100 jekk ma titħallasx mal-ewwel. Il-multi se jibdew jingħataw minn tmint’ijiem oħra, biex din il-miżura tilħaq tindara minn kulħadd, bl-awtoritajiet diġa’ qalu li mhux eskluż li l-multi jiżdiedu jekk jinnutaw li r-regola mhix tiġi segwita.