Lokali
Il-Pulizija b’idejhom marbutin dwar il-każ tat-tifla li nħatfet u tħarrbet minn Malta

Meqjusa bħala storika d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Familja li ddikjarat bħala “ħtif” il-każ tat-tifla li tħarrbet minn Malta f’Ottubu li għadda. Dan stqarru ma’ TVM il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon u qal li qatt ma kellna pożizzjoni legali bħalha f’Malta.

Għalkemm din is-sentenza qed titqies bħala xaqq ta’ tama biex jgħin tinstab it-tifla, il-Pulizija Maltija ma jistgħux jitlobu għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest għax il-kawża li saret hi ċivili u mhux kriminali.

L-għada li l-Qorti tal-Familja ddikjarat bħala ħtif il-każ tat-tifla li tħarrbet minn Malta f’Ottubru li għadda, il-Pulizija Maltija għandhom idejhom marbutin għax ma jistawx jitolbu lill-Europol jew lill-Interpol biex joħorġu mandat ta’ arrest Ewropew jew Internazzjonali minħabba li din il-kawża hi ċivili u mhux kriminali.

Sorsi qalu lil Television Malta li s-sentenza, għalkemm hi finali, għadha mhix definita għax jonqos il-perjodu tal-appell. Is-sorsi qalu li ġaladarba jgħaddi dan il-perjodu, is-sentenza ċivili tal-Imħallef Jacqueline Padovani Grima tkun tista’ tiġi infurzata. Hu mifhum li fil-preżent il-Pulizija kulma jistgħu jagħmlu hu biss li jitkellmu mal-Europol dwar il-każ, kif ilu jsir mindu l-każ ġie rrapportat f’Ottubru li għadda lill-awtoritajiet.

F’kummenti ma’ Television Malta, il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, qal li l-awtoritajiet għamlu u se jibqgħu jagħmlu dak kollu possibbli biex it-tifla tinstab u tinġieb lura Malta qawwija u sħiħa.

“Kellna min beda jiddubita hux abduction jew le. Dik l-issue ġiet solvuta b’deċiżjoni tal-Qrati. Kien pass enormi ‘l quddiem u landmark decision jiġifieri qatt ma kellna pożizzjoni legali bħal u dik u li issa l-pożizzjoni tagħna fi tfittxija għal din it-tifla nistgħu nintensifikaw iktar partikolarment mal-awtoritajiet Maltin.”

Waqt li dawn l-iżviluppi qed jitqiesu bħala xaqq ta’ dawl għas-sejbien tat-tifla, hu mifhum li l-foster carers tagħha għadhom iħossuhom f’limbu għax ma jafux x’sar mit-tifla li kienu ilhom jiffosterjaw iktar minn 6 snin b’ordni ta’ ħarsien mill-Qorti. Daqs xahrejn ilu, il-Pulizija kienu qalu li stabbilixxew li l-omm naturali u bintha siefru minn Malta b’titjira lejn Pariġi u għalhekk għaddew miż-żona Schengen fejn m’hemmx kontrolli ta’ passaporti.