Barranin
Il-pulizija f’Rio akkużati b’abbuż waqt rejd li fih inqatlu 25 ruħ

Minn tal-anqas 25 persuna nqatlu waqt rejd vjolenti mill-pulizija f’Rio de Janeiro. Filmati li xxandru fuq it-televiżjoni juru traffikanti tad-droga fiż-żona ta’ Jacerezinho jippruvaw jaħarbu billi jiġru fuq il-bjut mal-wasla tal-pulizija f’vetturi armati u ħelikopters itiru fuqhom.

Ir-rejd kien wieħed mill-aktar vjolenti u fatali f’Rio f’aktar minn 10 snin. L-istat ta’ Rio ilu żmien ibati l-konsegwenzi tal-vjolenza relatata mad-droga. Il-pulizija qalu li l-vittmi jinkludu suspettati mexxejja u membri ta’ grupp ta’ traffikar ta’ droga li jiddomina ż-żona kif ukoll pulizija. Il-pulizija qalu wkoll li minbarra traffikar ta’ droga, il-grupp kien jisraq merkanzija u jwaqqaf ferroviji biex jisraq lill-passiġġieri. F’konferenza tal-aħbarijiet il-pulizija wrew diversi armi tan-nar fosthom maching gun.

Diversi gruppi favur id-drittijiet tal-bniedem ikkundannaw ir-rejd li sar il-Ħamis. Amnesty International ikkritikat lill-pulizija għall-qtil ta’ persuni f’żona fejn jgħixu l-aktar nies suwed. Qalet li l-pulizija ta’ Rio qatlu aktar minn 450 ruħ f’rejds li wettuq matul l-ewwel tliet xhur tas-sena. Magħhom inqatlu wkoll minn tal-anqas erba’ pulizija. Anki l-uffiċċju tad-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Magħquda kkritika dan ir-rejd. Residenti qalu li l-pulizija qatlu anki lis-suspettati li riedu jċedu u daħlu fid-djar mingħajr mandat. Il-pulizija ċaħdu li għamlu xi ħaġa ħażina u qalu li aġixxew biex jiddefendu lilhom infushom.