Lokali
Il-Pulizija għadha ma tistax tistabilixxi l-mottiv għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia

Il-Pulizija għadha ma stabbilietx il-mottiv għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia minkejja li ġew arrestati erba’ persuni filwaqt li persuna oħra kisbet il-maħfra presidenzjali. Dan ħareġ illum fil-Qorti meta fl-inkjesta pubblika li qed tistħarreġ jekk setax jiġi evitat il-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia xehed il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafa’. Is-Sur Gafa’ qal li l-investigaturi huma ffukati biex jaslu għar-raġuni tad-delitt.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa qal li l-motiv li wassal għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia għad mhux ċar. Is-Sur Gafa’ ta x-xhieda tiegħu quddiem l-inkjesta pubblika dwar il-każ.

Mistoqsi dwar l-investigazzjonijiet, huwa rrikonoxxa li saru żbalji mill-pulizija Maltija, partikolarment fl-informazzjoni li ntbagħet lejn Dubai dwar il-kontijiet bankarji u l-kumpanija ta’ Yorgen Fenech, 17 Black. Qal iżda li dawn ma kienux intenzjonati.

Il-kummissarju Gafa’ qal li f’dawn il-5 xhur kemm ilu fit-tmun tal-korp, wettaq riformi biex isaħħu t-trasparenza fil-mod kif jiffunzjona l-korp u jkunu evitati prattiċi li jistgħu jinfluwenzaw l-mod kif l-uffiċjali tal-pulizija jaqdu d-doveri tagħhom. Semma kif fost it-tibdil li wettaq fl-iskwadra tal-omiċidji hemm spettur iffukat biss fuq il-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia.

Qal li qabel l-investigazzjonijiet tal-pulizija kienu mxekkla minħabba li ma kienx hemm uffiċjal tal-pulizija li huwa kompletament iddedikat għall-każ, bl-investigazzjonijiet jitwalu meta jkun hemm delitti ġodda.

Il-kummissarju Gafa’ qal li l-maġistrati dejjem qabbdu esperti barranin biex jgħinuhom fl-inkjesti b’rabta mal-Panama Papers u 17 Black u sa issa għad ma tqabbad l-ebda espert Malti fl-investigazzjonijiet ta’ reati finanzjarji. Spjega li ftit wara li laħaq Kummissarju biddel id-dipartiment tal-investigazzjonijiet fuq reati finanzjarji li hu ta’ priorità għall-korp.