Qorti
Il-Pulizija ntebħet li kellu l-faħam miblul mill-bikja tat-tfajla tiegħu

Fil-kumpilazzjoni dwar il-każ tal-qtil doppju f’Ħal Għaxaq xehed l-Ispettur John Spiteri, li beda jinvestiga l-każ meta sar ir-rapport li Maria Lourdes u Angele Bonnici huma nieqsa.

Joseph Bonnici mar jirrapporta lil ommu u lil oħtu neqsin

Fil-Qorti l-Ispettur Spiteri qal li Joseph Bonnici kien mar l-għassa taż-Żejtun jagħmel rapport li ommu oħtu kienu neqsin. Spjega li minnufih skattat l-investigazzjoni. Fix-xhieda tiegħu huwa qal li kien irċieva telefonata mill-ħabs mingħand Paul Bonnici, missier l-imputat. Paul ried ikellmu dwar l-għajbien ta’ martu u bintu. Dakinhar stess, l-Ispettur Spiteri mar il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex ikellem lil Paul. L-Ispettur spjega li Paul qallu li mhix togħġbu l-affari għax kuljum preċett kien iċempel lil martu fit-8.30am. Paul spjega li meta kienet tkun taf li mhux se tkun id-dar kienet tgħidlu minn lejliet xħin l-aħjar iċemplilha.

Paul Bonnici bħalissa jinsab il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u qed jiskonta sentenza ta’ 31 sena ħabs. Paul Bonnici kien instab ħati li fis-sena 2000 kellu argument li fih qatel lill-ġirien Joseph u Carmela Dalli quddiem ir-residenza tagħhom f’ Ħal Għaxaq. B’rabta ma’ dan il-każ, kawża ċivili kienet inqatgħet li jingħata kumpens lill-qraba tal-vittmi s-somma ta’ €80,000.  Meta Paul ġie mistoqsi jekk jistax ikun li martu u bintu ħarbu minħabba f’hekk, Paul stqarr li għandu r-riservi tiegħu.

L-Ispettur Spiteri kompla jixhed li meta Paul rnexxielu jaqbad lil ibnu Joseph fuq il-mobile u staqsieh jekk rax lil ommu u lil oħtu huwa wieġeb li minn meta għebu ma rahomx.

Meta l-Ispettur Spiteri qal lil Paul li kien se jkellem lil ibnu, Paul qallu li normalment kull nhar ta’ Ħamis imur iżuru u għalhekk xtaq li ma jkellmux għalissa. Min-naħa tiegħu l-Ispettur qallu biex javża lil ibnu li kien sejjer ikellmu d-dar wara l-vista.

“Jista’ jkun li telqu minn Malta minħabba l-kawża ċivili u bellgħuh lili” – Joseph Bonnici lill-Pulizija

Ix-xhieda tal-Ispettur Spiteri żvolġiet dwar x’ġara meta mar d-dar biex ikellmu. Huwa qal li meta hu u l-Pulizija marru d-dar staqsewh x’wassal għall-għibien t’ommu u t’oħtu, Joseph qallhom li kienet għadha kemm inqatgħet il-kawża ċivili u għalhekk jista’ jkun li telqu minn Malta. Kompla jgħid li Joseph qalilhom “bellgħuh lili”. L-Ispettur kompla jispjega li l-passaporti tal-vittmi ma nstabux imma meta għamlu l-investigazzjonijiet tagħhom huma sabu li dawn qatt ma siefru u anqas ma kellhom passaport. Kien hawnhekk li ħarġu l-istqarrija li Maria Lourdes u Angele Bonnici jinsabu mitlufin.

Joseph Bonnici mar ix-xogħol t’oħtu jistaqsi għaliha

L-Ispettur Spiteri kompla jixhed billi qal li l-kollegi tax-xogħol ta’ Angele qalu li Joseph mar jistaqsi għal oħtu biex jara daħlitx għax-xogħol. Qal li meta qalulu li ma daħlitx huwa telaq ‘l hemm.

“Kien hemm riħa ta’ pitrolju u l-kameras kienu mitfija”- l-Ispettur Spiteri

Meta marru d-dar tiegħu biex ikellmuh il-Pulizija xammet riħa ta’ pitrolju. L-Ispettur Spiteri qal li meta staqsewh dwarha, Joseph Bonnici qalilhom li kien jitfa’ l-pitrolju spiss minħabba li għandu l-annimali biex ineħħi l-briegħet.

L-Ispettur tkellem ukoll dwar iċ-CCTV cameras. Qal li l-cameras li hemm barra r-residenza ntfew nhar is-26 ta’ Marzu, 2019 wara d-9pm. Qal li sakemm kienu mixgħula kienu jidhru omm u oħt Joseph id-dar bil-piġama. Qal li mid-dehra tagħhom ma kinux jidhru li se jaħarbu. Kompla jgħid li meta spiċċa l-filmat kienet tidher l-omm iżda Angele ma kinitx hemm.

“Xi ħadd qrib Angele qalli li Joseph kien abbusiv sesswalment” – l-Ispettur Spiteri

L-Ispettur Spiteri qal li xi ħadd viċin ta’ Angele qallu li meta l-aħwa kienu iżgħar, Joseph kien abbusiv sesswalment. Qal li Angele kienet talbitu l-flus biex tixtri karozza iżda Joseph ma riedx u bdiet tirrikattah b’din l-istorja.

“It-tfajla ta’ Joseph ma kienet tissuspetta xejn ħażin fih” – l-Ispettur Spiteri

Ix-xhieda tal-Ispettur Spiteri daret fuq l-akkużat u t-tfajla tiegħu. Huwa qal li t-tfajla ta’ Joseph ma kienet tissuspetta xejn ħażin fih. Huwa qal li meta baqgħu jippressaw lil Joseph bil-mistoqsijiet huwa qalilhom li qed iħossu għajjien u xtaq jitkellem mat-tfajla tiegħu.

“Ħerba għamilt…ħerba hemm” – Joseph lill-Pulizija

Qal li ħallewh ikellem lit-tfajla tiegħu u ħin minnhom semgħuha tibki. L-Ispettur Spiteri qal li hemm indunaw li s-suspetti tagħhom kienu minnhom. Stqarr li Joseph qalilhom x’għamel u li se jeħodhom fuq il-post iżda hu ma xtaqx jerġa’ jmur hemm. L-Ispettur stqarr li Joseph qalilhom “ħerba għamilt, ħerba hemm”. Intant l-Ispettur qal li meta mistqosi għala qatilhom,Joseph stqarr li fl-2009 l-ex tfajla tiegħu kienet għamlet suwiċdju fir-residenza tiegħu u kienet ħallitlu nota li ommu tista’ tistrieħ għax ma kinetx taħmlu f’relazzjoni magħha.

Għall-akkużat qed jidher l-Avukat Marion Camilleri u Franco Debono.

Ara wkoll:

Mill-Qorti: Tajjar is-salvavita biex jonsob lil ommu u lil oħtu qabel qatilhom

“Kont f’relazzjoni abbużiva u Joseph ġabarni minn xagħri” – l-għarusa tal-akkużat

 

 

Aħbarijiet Oħra
Politika

F’kollegament dirett ma’ TVM, fuq il-programm Insights immexxi mill-ġurnalista Norma Saliba, l-uffiċjal tal-Partit Laburista Louis Gatt, qal li ħarġu xi riżultati proviżorji mill-ewwel għadd tal-voti. Dr Miriam Dalli għall-Partit Laburista…

Elezzjoni

Mis-sala tal-għadd tal-voti, dawk preżenti jinsabu fil-fażi tal-aġġudikazzjoni tal-vot – fejn il-voti li warrbu l-iscanners iridu jiġu aġġudikati mir-rappreżentanti tal-partiti fejn jieħdu deċiżjoni finali fuqhom. Il-proċess tat-35,00o vot aġġudikati jitlob…

Pulizija

Il-Korp tal-Pulizija qasam xi ritratti fuq il-midja soċjali biex jirringrazzjja lil dawk kollha li ħadmu qatigħ f’dawn l-aħħar tliet ijiem, hekk kif saret l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali 2019….

Aktar