Kronaka
Il-Pulizija qed tinvestiga każi ta’ frodi b’persuni li qed jinqdew bil-MaltaPost

Il-Pulizija qed tinvestiga każ ta’ frodi ta’ eluf ta’ ewro minn individwu jew grupp ta’ nies li qed jinqdew bil-MaltaPost biex jibagħtu messaġġi qarrieqa.

F’kummenti ma’ TVM il-Maltapost qed tappella lil min qed jirċievi dawn il-messaġġi biex ma jagħtix dettalji personali jew bankarji għax din l-entità mhi qed tibgħat ebda messaġġi lill-klijenti tagħha biex jagħmlu pagamenti għas-servizz postali.

Messaġġ li jidher ġenwin, miktub b’format simili ta’ avviżi li llum il-ġurnata jintbagħtu lill-klijenti, bl-arma tal-kumpanija MaltaPost u b’ħolqa biex tħallas il-miżata marbuta mal-posta tal-pakkett, qed iqarraq bin-nies biex jispiċċaw f’nasba ta’ frodi.

Il-messaġġ huwa qarrieqi għax is-sit elettroniku tal-ħlas huwa falz u wara li jġiegħlek tagħti d-dettalji tal-kont bankarju, l-allegati kriminali jkunu laħqu l-għan tagħhom – li jisirqulek flusek.

Tul dawn l-aħħar ġimgħat numru ta’ Maltin spiċċaw vittmi ta’ dan il-qerq organizzat, b’persuna saħansitra ġiet iffrodata aktar minn elf ewro.

F’dan l-isfond il-MaltaPost qed twissi dwar SMSs u ittri elettroniċi qarrieqa li qed jallegaw li huma mingħand il-Maltapost.

Iċ-Chief Operating Officer tal-Maltapost, Adrian Vassallo, iċċara ma’ TVM li l-MaltaPost ma tibgħatx messaġġi biex isir xi ħlas relatat ma’ posta għax dan ikun inkluż meta l-klijent jixtri l-oġġett mingħand il-bejjiegħ.

“L-ewwel iridu jaraw il-mesaġġ kif inhu miktub; jaraw il-Malti jew l-Ingliż, ġieli naraw li jkun tradott dirett – kelma tradotta bħal shipping tkun tbaħħir – aħna ma nużawx din il-kelma. Importanti jaraw li jiċċekjaw l-indirizz tal-posta elettronika, u li MaltaPost tkun miktuba maltapost.com u mhux maltapost b’xi dash jew 1.”

Appella biex kulħadd joqgħod attent u jiċċekja sew qabel jagħti informazzjoni sensittiva jew dettalji personali u sostna li min jirċievi dawn il-messaġġi għandu jikkuntatja l-Pulizija.

TVM huwa infurmat li l-Pulizija qed tinvestiga dan it-tip ta’ reati marbuta ma’ frodi. Din mhix l-ewwel darba li l-MaltaPost intużat għal skop kriminali, hekk kif f’April li għadda l-istess entità ħarġet twissija oħra dwar messaġġi qarrieqa oħra li kienu qed jirċievu bosta persuni.