Kronaka
Il-Pulizija qed tinvestiga rapporti dwar koppja li qed titlob il-flus għat-towing

Wara li bosta persuni qalu li ġew iffrodati minn koppja li talbithom il-flus biex taparsi tittowja l-karozza, il-Pulizija kkonfermat ma’ TVM li rċeviet rapporti simili u li qed tinvestiga dan il-każ.

Ir-raġel u l-mara nqabdu fuq filmat jitlobu l-flus lil raġel, wara li kienu diġà talbuh il-flus bl-istess skuża l-ġimgħa ta’ qabel.

Fil-filmat il-koppja jidhru jammettu li qed jitolbu l-flus lin-nies b’qerq, bir-raġel jikkummenta li dakinhar kienu għadhom ma qalgħux flus, u l-mara tgħid li ilhom xahar jagħmluha.

Kienu għexieren il-persuni li qalu li ġew avviċinati minn din il-koppja bi storja simili, b’uħud jgħidu li waqgħu għal-lixka u tawhom bejn €5 u €20 u oħrajn jgħidu li m’emmnuhomx u ma tawhom xejn.

Persuni li għarfu lil din il-koppja għaddew tagħrif dwarhom lil TVM, li għadda dawn id-dettalji lill-Pulizija għal iktar investigazzjoni. Minn tagħrif li għandu dan is-sit elettroniku jirriżulta li r-raġel huwa Malti filwaqt li l-mara hija barranija, x’aktarx Irlandiża.

Ara wkoll:

“Mhux soltu nibla’ xi ħaġa hekk imma kienu atturi tajbin” – jitkellmu iktar nies li ngidmu