Qorti
Il-Pulizija sabu droga moħbija fis-saqajn tas-sodda u aktar minn €11,000 f’safe wara l-mera

Il-Qorti bdiet tisma’ l-każ kontra l-aħwa Joseph u Analise Brignone, li qed jiġu akkużati bil-pussess u t-traffikar tad-droga kokaina u kannabis u b’ħasil ta’ flus fost akkużi oħra.

L-Ispettur Mark Anthony Mercieca xehed li fil-pussess ta’ Joseph u oħtu Analise Brignone instabu armi tan-nar, flus kontanti, droga u oġġetti relatati mal-vizzju tad-droga. Qal li l-pulizija kienu ilhom isegwu l-passi tal-akkużati, wara informazzjoni li kienu rċeviet fuq allegat traffikar ta’ droga.

Quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri, l-Ispettur qal li mir-residenza ta’ Joseph f’Bormla kienu jidħlu u joħorġu diversi persuni magħrufa li għandhom il-vizzju tad-droga u li Joseph Brignone kien qiegħed juża diversi vetturi ta’ valur għoli ħafna, anki jekk ma kienx jaħdem.

Joseph ġie arrestat fil-25 ta’ April. Minn tfittxija li saret fuqu nstabu madwar €2,600 fi flus kontanti, arma tan-nar semi-awtomatika u li kien fiha żewġ balal, u żewġ qratas suspettati droga ta’ lewn aħdar u abjad rispettivament.

L-Ispettur Mercieca qal li fir-residenza ta’ oħtu Analise instabu diversi sustanzi suspettati drogi, pistola, xfafar u affarijiet relatati ma’ droga. Spjega li l-pulizija sabu d-droga moħbija fis-saqajn tas-sodda u aktar minn  €11,000 f’safe wara mera.

L-aħwa Brignone baqgħu miżmuma arrestati.  L-Avukati difensuri Franco Debono u Marion Camilleri, irringrazzjaw lill-Qorti talli wriet sens ta’ responsabbiltà u ġustizzja meta bdiet tisma x-xhieda f’dan il-każ, f’dan iż-żmien ta’ pandemija.