Lokali
Aġġornat: Il-Pulizija se tieħu passi kontra żewġ gwardjani dwar attentat ta’ suwiċidju fil-ħabs – il-PN jgħid li mhux biżżejjed

Il-Pulizija se tieħu passi fil-konfront ta’ żewġ uffiċjali korrettivi permezz ta’ ċitazzjoni dwar attentat ta’ suwiċidju li seħħ fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fis-16 ta’ Ġunju li għadda.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali qal li jinsab infomat li l-pulizija se takkużahom b’reati ta’ natura involontarja. Dan b’rabta mal-inkjesta maġisterjali li nfetħet dwar il-każ mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.

Dakinhar, l-istaff mediku tal-faċilità kien informat fit-7.55 a.m. li mara Maltija ta’ 29 sena nstabet mitlufa minn sensiha fiċ-ċella tagħha wara attentat ta’ suwiċidju. Hija mietet tliet ġimgħat wara fl-Isptar Mater Dei.

Il-Ministru għall-Intern qal li jirriżulta li l-Maġistrat Inkwerenti sabet nuqqasijiet fil-konfront taż-żewġ uffiċjali korrettivi.

Il-ħaddiema konċernati kienu sospiżi b’mod immedjat u huma wkoll soġġetti għal proċeduri quddiem il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.

Il-Ministeru talab lill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali biex ikollu kopja procès-verbal u fakkar li diġà ħatar bord ta’ inkjesta bil-għan li jevawla u jagħti rakkomandazzjonijiet dwar l-operat fil-Faċilità Korettiva ta’ Kordin.

B’reazzjoni, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li mhux biżżejjed li jittieħdu proċeduri kriminali hekk kif irriżultaw nuqqasijiet mill-maġistrat inkwerenti.

Qal li waqt li l-uffiċjali ż-żgħar għandhom jirrispondu għal għemilhom fil-qorti, l-uffiċjali għolja, inkluż id-direttur tal-ħabs għandhom jerfgħu r-responsabbiltà kollha għal dak li seħħ fil-ħabs.

Il-PN temm jgħid li l-Ministru Byron Camilleri għandu jġorru ukoll ir-responsabbiltà politika għax skontu jinsab dgħajjef quddiem direttur li rikbu u li m’għandux il-kuraġġ li jrażżan.