Lokali
Il-pulizija ssalva anzjana li kienet ilha sagħtejn u nofs maqbuda f’banju bl-ilma

Intervent f’waqtu mill-pulizija u l-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili salva anzjana li kienet ilha madwar sagħtejn u nofs maqbuda f’banju bl-ilma.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-4pm fi blokka ta’ appartamenti soċjali fil-Gżira. Mill-informazzjoni li kiseb dan is-sit jidher li l-mara spiċċat fil-banju tar-residenza tagħha wara li taha ħass ħażin u ma felħitx tqum minnu.

Xhieda fuq il-post qalu lil tvm.com.mt li l-pulizija kellhom jifqgħu l-bieb tad-dar tal-anzjana kif ukoll dak tal-kamra tal-banju biex joħorġuha. B’xorti tajba hija nstabet f’sensiha.

L-anzjana ttieħdet l-Isptar Mater Dei wara li ngħatat l-ewwel assistenza mit-tim mediku li wasal fuq il-post.