Kronaka
Il-Pulizija ssib droga u €3,000 f’rejd ġewwa residenza fil-Gżira

Sqalli ta’ 48 sena li jgħix il-Gżira qed jinżamm arrestat b’rabta ma’ sejba ta’ droga fir-residenza fejn qed joqgħod.

L-arrest sar ilbieraħ waranofsinhar mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Tas-Sliema .

Wara jiem ta’ osservazzjoni fuq ir-residenza, li tinsab fi Triq Sir Charles Cameron, il-pulizija wettqu rejd fiha u fil-karozza tar-raġel.

Huma sabulu 20 qartas b’sustanza suspettata droga kokaina u madwar €3,000 fi flus kontanti.

Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-‘lock-up’ tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali u mistenni
jitressaq fil-Qorti għada.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.