Lokali
Il-Pulizija ssib li ma ttieħdu ebda ritratti f’toilets tan-nisa b’kamera moħbija f’żewġ ristoranti

Investigazzjoni tal-pulizija kkonkludiet li Alber Buttigieg, is-sid tar-restorant Capo Mulini ma ħa ebda ritratti ta’ nisa permezz ta’ camera li ngħad li kienet tpoġġiet fil-kamra tal-banju tar-restorant.

Fl-aħħar xhur il-Pulizija investigat allegazzjoni li ħarġet fil-qorti wara li l-espert tal-Qorti Martin Bajada xehed li sab diversi ritratti li allegatament ittieħdu b’kamera moħbija f’toilet tan-nisa. Bajada ma speċifikax jekk il-kameras tqegħdux fit-toilets tar-restorant. Huwa kien tqabbad janalizza tagħmir elettroniku li kien ġie kkonfiskat mill-pulizija b’rabta ma’ każ ta’ ħasil tal-flus permezz ta’ numru ta’ restoranti fosthom wieħed fil-Belt u ieħor f’Marsaxlokk.

Bajada kien xehed li analizza xejn inqas minn 32 tagħmir elettroniku li kienu jinkludu 28 USB, micro SD cards, mobile phones u laptops.

Il-Pulizija kienet intalbet tinvestiga dak li nstab f’dan it-tagħmir waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Buttigieg u Florinda Sultana.

Din ix-xhieda kienet ħalliet lill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech maħsuda u ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga l-informazzjoni żvelata minn Bajada.

Skont sorsi fil-Pulizija li tkellmu mal-midja l-lokali, ingħad li l-investigaturi kkonkludew li Buttigieg ma wettaq ebda reat b’rabta mar-ritratti misjuba fit-tagħmir teknoloġiku tiegħu.