Qorti
Aġġornat: Seraq ittri mill-komun u credit card li pprova jiġbed il-flus biha

Christian Cuccu, Taljan ta’ 44 sena u li jgħix f’Pembroke, tressaq il-Qorti akkużat li seraq ittri minn komun ta’ blokka appartamenti u kartiera li minnha ħa ‘credit card’ u pprova jiġbed il-flus minnha.

Quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, Cuccu li jaħdem bħala pizzar, wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Fil-Qorti, l-Ispettur Leeroy Balzan Engerer qal li l-akkużat għandu l-vizzju tad-droga.

L-akkużat qal li bħalissa mhux jaħdem minħabba l-imxija tal-Covid-19 u talab li jibqa’ d-dar. Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €5,000.

Huwa ġie ordnat biex joħroġ mid-dar biss bejn it-8.00am u s-1.00pm biex imur jiffirma l-għassa tal-Pulizija u ċ-ċentru tad-DETOX fi Gwardamangia.

 

Aktar kmieni:

Il-Pulizija se tressaq raġel Taljan il-Qorti u tixlih b’akkużi ta’ serq. Il-Pulizija qalet li r-raġel ġie arrestat fuq każijiet ta’ serq minn San Ġiljan u Gwardamanġia.

Fi stqarrija l-pulizija qalet li dawn il-każijiet ġew solvuti wara li l-Pulizija segwiet rapporti li saru permezz tal-proċedura ġdida tar-rispons għas-servizzi mitluba mill-pubbliku, fejn dawn ir-rapporti saru ‘on line’ mingħajr il-bżonn li l-vittma ikun hemm għalfejn imur f’għassa.

Il-Pulizija fakkret li rapporti għal reati li ma jinħtiġux l-assistenza immedjata tal-Pulizija jistgħu jsiru permezz tat-telephone fuq +356 2294 0000, online fuq is-sit https://pulizija.gov.mt/opres, fuq l-app 112mt, jew tintbagħat imejl fuq [email protected]

Dan bil-għan li l-pubbliku u l-Pulizija jibqgħu protetti mill-imxija tal-COVID-19, filwaqt li l-Korp tal-Pulizija jibqa’ impenjat li jkompli bl-operat normali u jagħti servizz lill-komunità, filwaqt li jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa