Lokali
AĠĠORNAT 5: Cover ta’ CD bl-ecstasy kaġun ta’ 38 akkuża li ffaċċja fil-Qorti

Cover ta’ CD mimlija pilloli ecstasy wasslet lil raġel minn Birżebbuġa il-Qorti mixli b’mhux inqas minn 38 akkuża.

Keith Desmond Falzon ta’ 39 sena minn Birżebbuġa baqa’ miżmum arrestat wara li tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud mixli bi 38 kap t’akkuża dwar droga, ħasil ta’ flus u li kkorrompa t-tfal, kif ukoll pussess ta’ materjal pornografiku.  Falzon, li huwa riċediv b’sentenzi oħra tal-Qorti, ċaħad l-akkużi kontrih. Huwa kien akkużat b’importazzjoni, traffikar u pussess ta’ droga kannabis, LSD, droga magħrufa bħala magic mushroom u anke ecstasy.

L-imputat kien joqgħod f’garaxx li fih il-Pulizija sabet iktar minn 100 pillola ecstasy, 4 kilogrammi raża tal-kannabis u 1.5 kilogrammi ħaxixa tal-kannabis u nofs kilo oħra ħaxixa. Instabu wkoll numru ta’ dożi tal-LSD u aktar minn 40 qartas b’sustanza li hija suspettata li hija kokaina u amfetamina, flimkien ma’ trab kannella allegatament li huwa magic mushroom li hija sustanza perikoluża.

Keith Desmond Falzon kien akkużat ukoll li kkorrompa erba’ subien li għandhom minn 9 sa 11-il sena u li ħa sehem f’attività sesswali magħhom. Instab ukoll li fil-pussess tiegħu kellu materjal pornografiku li jinvolvi minuri.

Quddiem il-Magistrat Joe Mifsud, il-Prosekuzzjoni mmexxija mit-tliet Spetturi Joseph Busuttil, Jonathan Cassar u Kevin Pulis qalet li Falzon inqabad meta mar jiġbor pakkett mill-Posta. Il-każ beda meta l-Uffiċjali tad-Dwana sabu li l-pakkett kien dikjarat li fih oġġetti b’valur ta’ 60 dollaru Kanadiz mentri filfatt kien fih cover ta’ CD bil-pilloli ecstacy.

Fil-Qorti, Falzon kien akkużat ukoll b’ħasil ta’ flus, tant li fil-garaxx tiegħu nstabu mat-€80,000 fi flus kontanti u anke kellu oġġetti miksuba mill-attività kriminali.

Il-Qorti ordnat l-iffriżar tal-flus u l-assi kollha ta’ Falzon.