Kronaka
Il-Pulizija tfittex raġel b’rabta mal-isparatura fl-Imsida

Il-pulizija qed titlob l-għajnuna tal-pubbliku fit-tfittxija għal Ricardo Ortega Espana b’rabta ma’ investigazzjonijiet dwar traffikar ta’ droga u sparatura li seħħet fi Triq Dijonisju Famucelli, l-Imsida fit-2 ta’ dan ix-xahar.

Il-pulizija ppubblikat ir-ritratt tar-raġel u qalet li kull min għandu kwalunkwe tip ta’ informazzjoni dwaru huwa mitlub jagħmel kuntatt mal-Pulizija, anke b’mod anonimu, permezz ta’ messenger jew fuq il-linji 21224001 jew 119.

L-isparatura saret f’ċirkustanzi misterjużi f’żona bejn l-Imsida u s-Swatar. Il-Pulizija kienu sabu għadira demm fil-komun ta’ blokka appartamenti fi Triq Monsinjur Innoċenz Zammit kantuniera ma’ Triq Dijonisju Famucelli u saħansitra sabu balla iżda dakinhar ma kellhom ebda ħjiel la ta’ vittma u lanqas tal-aggressur.

Kien qed ikun suspettat li l-persuni involuti fil-każ huma barranin. Nies fuq il-post kienu qalu li qabel seħħet l-isparatura instema’ għajjat fost indikazzjoni li kien hemm argument bejn xi persuni.

Fuq il-post preżenza ta’ diversi uffiċjali mir-Rapid Intervention Unit u l-iSpecial Intervention Unit u tim mediku. L-istħarriġ hu f’idejn id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali assisstiti minn ufficcjali tad-distrett.

Filmat: Irrapportata sparatura fl-Imsida