Kronaka
Il-Pulizija tiċċara li kienet diġà bdiet tinvestiga l-allegat xiri ta’ wind farm fil-Montenegro b’kollaborazzjoni mal-Europol

Il-pulizija qed tinvestiga l-allegazzjonijiet dwar l-akkwist mill-Enemalta tal-kumpanija li qed tmexxi l-windfarm f’Mozura fil-Montenegro, minghand il-kumpanija Cifidex. Fi stqarrija qasira kmieni waranofsinhar, il-Pulizija qalet li kienet diġà bdiet tinvestiga dal-każ b’kollaborazzjoni mal-Europol u bl-asstenza ta’ entitajiet kompetenti oħra qabel ir-rapporti li dehru fil-media fl-aħħar sigħat.

L-għaqda Repubblika qalet fi stqarrija tenniet is-sejħa għal investigazzjoni konġunta mal-Europol. Qalet li l-istqarrija tal-pulizija turi li ma hemmx investigazzjoni konġunta iżda hemm biss assistenza li tiddependi esklussivament minn kemm titlob għajnuna il-Pulizija Maltija. L-għaqda qalet li ma tafdax lill-pulizija għax fi kliemha hemm uffiċjali li l-pożizzjoni tagħhom hija kompromessa.

L-allegazzjonijiet fil-media feġġew ilbieraħ wara investigazzjoni mill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters flimkien mat-Times of Malta. Huma allegaw konnessjoni bejn il-kumpanija 17 Black ta’ Yorgen Fenech u l-akkwist f’Diċembru tal-2015 mill-Enemalta tal-kumpanija li qed tmexxi l-wind farm f’Mozura, fil-Montenegro, mingħand il-kumpanija CIFIDEX.

Fir-rapport jingħad li l-kumpanija CIFIDEX xtrat l-ishma tal-windfarm tal-Montenegro għal prezz ta’ ftit inqas minn tlett miljun ewro li sorsi indikaw li kienet isselfithom mingħand 17 Black. Ġimagħtejn wara biegħet l-istess ishma lill-Enemalta għal aktar minn għaxar miljun ewro.

Ilbieraħ il-Prim Ministru Robert Abela qal li huwa diżgustat jekk dak irrappurtat huwa minnu. Dr Abela qal li l-każ għandu jiġi investigat u l-pulizija m’għandha tħares lejn wiċċ ħadd. Il-Prim Ministru żied jgħid li jekk tiskatta l-investigazzjoni kriminali min kien politikament responsabbli għandu jagħmel pass lura huwa minn jheddu, inkella jkollu jieħu azzjoni hu bħala Prim Ministru.

Wara dawn l-iżviluppi, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo fuq facebook ħeġġeġ għal azzjoni mingħajr telf ta’ żmien biex Malta tnaddaf isimha għax qal li dan jista’ jwassal riskji ekonomiċi kbar għal Malta u insista li min kien politikament responabbli għandu jirreżenja.

Il-Ministru Bartolo żied jgħid li min kien involut f’korruzzjoni, ħasil ta’ flus u evażjoni ta’ taxxa jenħtieġ li malajr kemm jista’ jkun jiffaċċja l-ġustizzja fil-qorti.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Prim Ministru Robert Abela appella għal kompromess u biex jiġu evitati l-estremitajiet ħalli la l-ekonomija u lanqas is-saħħa ma jispiċċaw għarkupptejhom. F’laqgħa mal-imsieħba soċjali, fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali…

Faċilità Korrettiva

Illum grupp ta’ residenti mill-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin għamlu xogħol ta’ tindif u tisbiħ f’iktar minn 14-il klassi fil-Kulleġġ St Thomas Moore f’Santa Luċija. Ix-xogħol sar taħt is-superviżjoni tal-uffiċjali korrettivi,…

Sport

Ħames għaqdiet sportivi Għawdxin ibbenefikaw mis-somma ta’ €20,750 mill-isports scheme biex iwettqu l-proġetti tagħhom din is-sena. L-għaqdiet li bbenfikaw huma: Għajnsielem Redcoats, li ngħataw is-somma ta’ €5,000 bit-titlu tal-proġett ‘Sizzling…

Aktar