AĠĠORNAT: il-Pulizija tiċħad rapporti li nstab ir-raġel li ried jixtri t-tfal

Il-Pulizija ċaħdet b’mod kategoriku li ġie identifikat ir-raġel suspettat li nhar is-Sibt li għadda staqsa lil żewġ ommijiet biex jixtri lil uliedhom.

Kelliem għall-pulizija saħaq ma’ tvm.com.mt li mhux minnu li r-raġel li dwaru saru rapporti minn żewġ ommijiet ġie identifikat.

Rapport f’ġurnal bl-Ingliż dalgħodu qal li sorsi fil-Korp tal-Pulizija “identifikaw lis-suspettat” u qegħdin jinvestgaw aktar dan il-każ.

Fil-jiem li għadda, Anya Soldatova omm ta’ tifla ta’ sentejn u nofs stqarret ma’ tvm.com.mt l-esperjenza li għaddiet minnha s-Sibt li għadda, għall-ħabta tad-disgħa u nofs ta’ filgħaxija f’Tas-Sliema, ħasditha. Hija qalet li r-raġel ried joffrilha €30,000 għal bintha.

Ftit sighat wara li seħħ dan il-każ Anya kitbet fuq il-paġna fuq facebook iddedikata għall-barranin li jgħixu Malta. Minn hemm kienet imħeġġa tirrapporta l-każ lill-pulizija u għalhekk kitbet fuq il-paġna tal-pulizija fuq Facebook li wara ftit ikkuntattjawha u qalulha biex tmur id-Depot fejn tat l-informazzjoni kollha dwar il-każ.

It-tlieta filgħodu mara oħra, Annmarie Marceau Coppola, omm ta’ tifla ta’ seba’ snin, qalet li għaddiet minn esperjenza simili, fl-istess ġurnata u fl-istess post.

Ikkuntattjata minn TVM, il-pulizija ikkonfermat li nfetħet investigazzjoni dwar il-każ.