Kronaka
Il-Pulizija tintervjeni f’argument li qam il-Marsa – issaħħaħ il-preżenza tagħha fil-Marsa

Il-qagħda tas-sigurtà u l-ordni pubbliku fil-Marsa saret problematika u għalkemm il-pulizija żiedet il-preżenza tagħha fil-lokalità dan ma jeskludix li jibqgħu jinqalgħu l-inċidenti. Madankollu l-preżenza kontinwa tal-pulizija tipprovdi wens lir-residenti u tiżgura li jittieħdu passi meta nqalgħu l-inċidenti. L-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Martin Sammut qal li l-pulizija qed taħdem ukoll fuq il-prevenzjoni.

Il-preżenza 24 siegħa kuljum tal-pulizija fl-Għassa tal-Marsa, li fil-passat kienet tkun magħluqa fuq l-antiporta għal diversi ħinijiet, uriet l-effettività tagħha t-Tnejn filgħodu meta għal ħabta tal-10.30am qam argument bejn żewġt irġiel barranin li ġew fl-idejn ftit ‘l isfel mill-Knisja tat-Trinità fil-Marsa.

Azzjoni immedjata mill-pulizija li kienu fl-Għassa tal-Marsa evitat li l-inċident jikber, waqt li ż-żewġt irgiel ittieħdu l-għassa fejn issuktat l-investigazzjoni kontrihom u mhux eskluż li jistgħu jitressqu l-Qorti mixlija fost oħrajn bi ksur tal-paċi u l-ordni pubbliku.

L-Assistent kummissarju Martin Sammut qal lil TVM li l-pulizija għandha għajnejha miftuħin beraħ fuq is-sitwazjoni fil-Marsa, anke għax l-istatistika tar-rapporti turi l-ħtieġa ta’ preżenza akbar tal-pulizija fil-lokalità.

Martin Sammut qal “għandek l-Għassa tal-Marsa bil-pulizija stazzjonati hawnhekk li fl-aħħar xhur żdiedet il-preżenza. Il-Pulizija tagħmel patrols regolari, tagħmel ukoll spezzjonijiet fil-ħwienet, tara li ma jkunx qed isir ksur ta’ liġi”.

Is-sur Sammut, qal lil TVM li l-korp, bi spiża addizjonali, saħansitra qed idaħħal pulizija mil-frank tagħhom biex iżżid l-preżenza tiegħu fil-Marsa.

Martin Sammut qal “tajjeb ta’ min isemmi li hawn karozza tal-RIU 24 siegħa kuljum, però wara l-5pm sa tard bil-lejl jiżdiedu żewġ karozzi oħra.”

L-ispettur Wayne Camilleri huwa l-ewwel uffiċjal tal-pulizija li ġie stazzjonat fl-Għassa tal-Marsa b’impenn li jwettaq il-ħidma tal-pulizija fil-komunità.

Wayne Camilleri qal “l-uffiċċju tiegħi miftuħ għal kulħadd. Ikolli spiss residenti li jkunu jridu jkellmuni kulħadd welcome u bis-saħħa t’hekk inkun naf anke jiena x’hemm bżonn min-naħa tagħna u nagħmlu iktar regolari sabiex nagħmlu ħilitna noffru l-aqwa servizzi għall-komunità tal-Marsa”.

TVM huwa infurmat li anke l-Pulizija mit-Taqsima tal-Immigrazzjoni ġew mobilizzati fil-lokalità fejn qed jagħmlu spezzjonijiet għal għarrieda biex jara d-dokumenti tal-immigranti u jittieħdu l-passi meħtieġa meta jinstab li jkunu Malta b’mod irregolari. Sat-Tnejn filgħodu stess inġabru numru ta’ immigranti minn dawn.

Il-Kunsill Lokali tal-Marsa appella biex dawn il-miżuri jibqgħu għaddejjin ħalli l-Marsin jibdew iħossuhom sikuri fit-toroq u fil-postijiet pubbliċi.