Lokali
Il-Pulizija tinvestiga bejgħ ta’ testijiet foloz tal-COVID-19

Il-Pulizija nediet investigazzjoni dwar dwar testijiet foloz tal-COVID-19 li qed jinbiegħu lil persuni biex jivvjaġġaw lura pajjiżhom.

Sorsi li tkellmu ma’ TVM spjegaw li minħabba s-sitwazzjoni preżenti tal-COVID, l-ivvjaġġar minn u lejn Malta qed isir abbażi ta’ riżultat negattiv tat-test tal-Covid. Madankollu s-sorsi spjegaw li dan l-iffalsifikar qed isir b’diversi modi. Fost l-oħrajn instabu każijiet fejn individwi emendaw ċertifikat antik kif ukoll ċrieki kriminali li qed jbigħu dawn iċ-ċertifikati.

Matul ix-xhur li għaddew, il-Pulizija ressqet diversi persuni l-Qorti fuq dawn l-akkużi bl-aħħar waħda tkun Euredice Annelatt Olijfveld ta’ 26 sena li llum quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella wieġbet ħatja li ppruvat titlaq minn Malta permezz ta’ ċertifikat falz tal-Covid -19.

L-Olandiża nqabdet mill-uffiċjali f’Ajruport Internazzjonali ta’ Malta aktar kmieni llum u jirriżulta li hija xtrat dan iċ-ċertifikat f’attentat biex tmur lura l-Olanda.

Il-Qorti wara li qieset il-fatti tal-każ, immultata €500.