Kronaka
Il-Pulizija tisfratta festin f’Pembroke bejn iktar minn 100 persuna

Dal-lejl il-Pulizija sfrattat festin li kien qed isir fuq ix-xagħri fl-inħawi ta’ Pembroke bejn għexieren ta’ persuni.

Residenti li raw dan il-festin għaddej qalu lil TVM li preżenti kien hemm ‘il fuq minn 100 żagħżugħ, ħafna minnhom barranin.

Kienu għall-ħabta tas-2.00am meta fuq il-post marru ħames vetturi tal-Pulizija, b’xhieda fuq il-post qalulna li raw il-Pulizija joħorġu jiġru wara ż-żgħażagħ, li iżda ħafna minnhom ħarbu jiġru u staħbew fid-dlam.

Żiedu li wara li telqu l-Pulizija, uħud miż-żgħażagħ dehru jirritornaw biex ikomplu għaddejjin bil-festin.

L-istess xhieda qalulna li dan il-festin illegali ilu għaddej madwar xahar, u jsir fuq erba’ ljieli bejn il-Ħamis u l-Ħadd bejn il-klabb tal-Pembroke Athleta u l-impjant tar-Reverse Osmosis.

Spjegawlna li għall-ħabta ta’ nofsillejl iż-żgħażagħ jibdew jaslu fi gruppi żgħar u jibqgħu sejrin għal fuq ix-xagħri bit-‘torches’, li mbagħad jitfuhom mal-ħin.

Ir-residenti li tkellmu magħna esprimew dispjaċir għal dan l-aġir, filwaqt li kellhom kliem ta’ ringrazzjament għall-ħidma tal-pulizija.

Iktar tard il-Pulizija qalet li b’rabta ma’ dawn il-festini ħarġet 115-il multa, u li wieħed mill-ġuvintur ħebb għall-Pulizija.

Ritratti: TVM

Ara wkoll:

115-il multa wara li nqabdu f’festini f’Pembroke – wieħed iħebb għall-Pulizija