Lokali
Il-Pulizija tkellem lill-Ministru Abela dwar allegazzjoni ta’ Degiorgio

Il-Pulizija kellmet lill-Ministru Carmelo Abela dwar allegazzjonijiet li għamel fil-konfront tiegħu wieħed mill-aħwa Degiorgio li jinsabu mixlijin bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

F’post fuq Facebook, il-Ministru Abela qal li l-Pulizija kellmitu wara li fetaħ proċeduri legali ta’ libell fil-qorti b’wieħed mill-aħwa Degiorgio jagħmel referenza għalih mal-pulizija b’rabta mal-każ tal-HSBC tal-2010.

Il-Ministru Abela qal li huwa qatt ma kien investigat dwar il-każ u minn verifiki li għamel irriżulta li x-xhieda tiegħu saret wara li l-pulizija ħarrket rappreżentant tal-bank u tela’ jixhed f’ismu u mhux għax il-Pulizija ħarrket lilu personalment.

Il-Ministru Abela żied jgħid li huwa wieġeb għal kull domanda li saritlu mill-pulizija għax qal li m’għandu xejn x’jaħbi u jrid li toħroġ il-verità sħiħa.